Lokali

Għandhom ikomplu jissaħħu r-relazzjonijiet bejn Malta u l-Istati Uniti – Bernard Grech

Pajjiżna jrid jara li jkompli jsaħħaħ ir-relazzjoni diġà tajba li għandu mal-Istati Uniti. Dan billi naraw li d-demokrazija tibqa’ ssaltan u tidher li qed issaltan.

Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta laqa’ lix-Chargé D’Affairs tal-Ambaxxata Amerikana għal Malta, Gwendolyn Green, fl-Uffiċċju tiegħu fid-Dar Ċentrali.

Bernard Grech qal li Malta u l-Istati Uniti jaqsmu l-istess valuri, bħad-drittijiet tal-bniedem, u anke r-rispett reċiproku. Fl-istess waqt, hu tenna l-appell li pajjiżi kbar bħall-Istati Uniti jgħinu aktar lil Malta fi sfidi bħal dik tal-immigrazzjoni irregolari.

Min-naħa tagħha, Gwendolyn Green irrkonoxxiet l-importanza li jsiru laqgħat ma’ setturi differenti tas-soċjetà u tal-amministrazzjoni tal-pajjiż, inkluż mal-Oppożizzjoni.

Hi faħħret sehem Malta fl-isfera internazzjonali, fosthom bħala Membru Sħiħ fl-Unjoni Ewropea u r-rwol strateġiku li għandha fil-Mediterran.

Qalet li tifhem l-isfidi li pajjiżna jkollu jiffaċċja minħabba l-pożizzjoni ġeografika tiegħu, filwaqt li tenniet l-impenn tal-Ambaxxata Amerikana għal aktar sigurtà u innovazzjoni.

Matul il-laqgħa, Bernard Grech kien akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Affarijiet Barranin Carm Mifsud Bonnici u mis-Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista Roselyn Borg.