Lokali

Ian Borg għandu jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu – Repubblika

Ritratt: Martin Agius

 Mhux aċċetabbli li pajjiżna jkollu ministru li l-Qorti tiddikjara li huwa diffiċli temmen ix-xhieda tiegħu bil-ġurament.

Fi stqarrija, Repubblika stqarrew li l-konklużjoni tal-Maġistrat Victor Asciak fil-kawża ta’ libell kontra The Malta Independent li ma jemminx lix-xhieda tal-Ministru Ian Borg, tirrifletti ħażin ferm fuq il-Ministru.

Jidher li l-Ministru Ian Borg approfitta ruħu mill-vulnerabiltà ta’ ġar b’mard mentali u qabbad aġenti li ħadmu għalih biex iġiegħlu ‘l din il-persuna tbiegħ propjetà lil Ian Borg li meta kien f’sikktu ma riedx ibiegħlu.

Hi kattiverja li xi ħadd jabbuża mill-mard mentali ta’ ħaddieħor. Kulħadd hu responsabbli li qabel jara l-interessi tiegħu, jieħu ħsieb l-interessi ta’ persuni vulnerabbli. Id-diċenza u r-responsabbiltà ta’ kull membru tas-soċjetà tesiġi li lkoll kemm aħna nagħmlu dan. Din mhix ġungla fejn min hu l-aqwa jħawwel u min jisraq iżomm li jilħaq jaħtaf. Din hi soċjetà li trid minna solidarjetà ma’ min hu dgħajjef jew żvantaġġjat.

Mhux talli Ian Borg ra kif approfitta ruħu mid-djgħufija ta’ persuna li kien ilu jaf 19-il sena, talli imbagħad qal lill-Qorti li ma kienx jaf li din il-persuna kellha problemi ta’ saħħa mentali.

Il-qorti m’emmnitux. Ian Borg kien is-sindku ta’ Ħad Dingli, u meta seħħ dan l-episodju kien id-Deputat elett minn Ħad Dingli. Il-qorti ġustament osservat li ma jitwemminx li f’komunità żgħira bħal Ħad Dingli jista’ jkun li Ian Borg ma kienx jaf li kien qed jabbuża u jisfrutta persuna vulnerabbli li fil-passat kellha tkun rikoverata fl-isptar għall-kura tas-saħħa mentali.

Allura kien jaf u xjentement seraq ‘il ġar tiegħu biex jibni daru fuq art ħaddieħor.

Wara d-deċiżjoni tal-Qorti, Ian Borg qal li jirrispetta din id-deċiżjoni għalkemm ma jaqbilx magħha. Żamm li akkwista mingħajr ma jagħti kont t’egħmilu. 

B’daqshekk Ian Borg mhux jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu u bħala persuna fil-ħajja pubblika qed jagħti l-eżempju li ma fiha xejn ħażin li tfotti ‘l-ġar tiegħek għax ibati minn mard mentali.

Repubblika tistenna li Ian Borg jagħmel tajjeb mal-ġar li seraq u li jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu wara dak li għamel, inkluż li pprova jbellgħa ‘l-Qorti gidba li ma tistax titwemmen.