Internazzjonali

Il-bidliet fil-klima: Analiżi tat-temperaturi tindika li jinsabu eqreb it-tragwardi tan-Nazzjonijiet Uniti

Analiżi ġdida qed tissuġġerixxi li t-tragwardi elenkati fil-Ftehim (storiku) tan-Nazzjonijiet Uniti għall-ħarsien tal-Klima jistgħu huma qrib li ‘jintlaħqu’.

Il-grupp Climate Action Tracker, intant, qed jevalwa l-wiegħdiet ġodda favur il-klima min-naħa taċ-Ċina u pajjiżi oħra – l-istess bħalma qed ikunu analizzati l-pjani tal-President-elett tal-Istati Uniti, Joe Biden, rigward l-emissjonijiet tossiċi (b’mod partikulari l-carbon dioxide – jew CO2) fl-atmosfera.

L-impenji tal-pajjiżi kapaċi jfissru li ż-żieda fit-temperaturi tad-dinja jistgħu jinżammu f’livell ta’ 2.1 Celsius sal-aħħar tas-seklu. Dan wara li l-kalkoli preċedenti kienu indikaw sa 3 gradi Celsius ta’ global warming li, f’dan il-każ, għandhom iħallu riżultati diżastrużi għad-dinja.

Madankollu, l-esperti qed jinkwetaw li l-ottimiżmu fit-tul mhux qed ikun ‘issostanzjat’ bil-pjani ħalli jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2.

Ir-riċerkaturi mal-Climate Action Tracker ilhom aktar minn għaxar snin jissorveljaw x’jistgħu jfissru l-impenji tal-pajjiżi – bħala kollettiv – biex jaqtgħu l-emissjonijiet tas-CO2. Qed ikun analizzat fuq kollox l-impatt tal-impenji għad-dinja tagħna, fost iż-żidiet gradwali fis-sħana.

Wara l-falliment tas-summit ta’ Copenhagen (fid-Danimarka) fl-2009, il-Climate Action Tracker ikkalkula li t-temperaturi tad-dinja setgħu jitilgħu għal 3.5 gradi Celsius sal-aħħar ta’ dan is-seklu.

Iżda l-konklużjoni, fl-2015, tal-ftehim storiku dwar il-klima – magħruf anki bħala l-Ftehim ta’ Pariġi – għamlet impatt konsiderevoli. Il-pjan, intant, kien intiż biex jevita li l-global warming jasal f’livelli perikolużi u għaldaqstant, il-pajjiżi bdew iwarrbu, ftit ftit, mid-dipendenza fuq il-fossil fuels.

F’Settembru li għadda, il-grupp Climate Action Tracker ikkonkluda li d-dinja kienet qed tavviċina element ta’ sħana ‘globali’ ekwivalenti għal  2.7C sal-2100. Dan il-livell xorta waħda kien meqjus bħala ‘il fuq sew mit-2C elenkat fil-Ftehim ta’ Pariġi – iżda, illum, ‘l-analiżi ottimista’ ġdida tal-grupp tissuġġerixxi żieda ta’ 2.1 gradi Celsius saż-żmien ipproġettat (2100).