Lokali Parlament

Il-gvern b’liġijiet li jġibu stat bla ruħ; qed ikisser it-tessut tas-soċjetà

Adrian Delia, PN

Id-deputat Nazzjonalista Adrian qal li l-gvern qed idaħħal sensiela ta’ liġijiet li jikkontradixxu lil xulxin u li jġibu stat bla ruħ.

Fil-parlament Adrian Delia qal li l-gvern donnu se joħloq l-opportunità li meta titwieled tarbija ma tkunx definita jekk hix tifel jew tifla.

“Sa fejn se nibqgħu sejrin”? staqsa Adrian Delia li qal li fl-aħħar tliet snin tressqu liġijiet biex il-pajjiż ikun dikjarat stat bla ruħ. Hu semma’ l-Konvenzjoni ta’ Istanbul dwar protezzjoni lin-nisa fil-vjolenza domestika u qal li fl-istess liġi d-definizzjoni ta’ nisa u irġiel ma baqgħetx teżisti.

Hu kompla li l-gvern ħoloq il-kelma ‘ġenitur’ flok omm u missier u fakkar ukoll li l-gvern ma ħoloqx protezzjoni għal dawk differenti b’konfort tal-liġi li tirrispetta d-differenzi tagħhom iżda l-gvern għamel liġi ta’ uniforma li ġġib lil kulħadd l-istess u tneżżgħu mill-miraklu tan-natura u ta’ identità differenti.

Id-drittijiet ċivili m’għandhom x’jaqsmu xejn ma’ din id-diskussjoni, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla li Malta qed titlef dak li jagħmilha unika u l-gvern qed iġib lil kulħadd l-istess; dan iwassal għal stat li fejn l-persuni ma jibqgħux awtentiċi.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li l-gvern qed jinsa li l-bniedem jitwieled bid-drittijiet fundamentali li ma jingħatawx mill-gvern. Jekk dan il-kunċett ikun attakkat allura tkun qed titkasbar l-umanità kif inhi llum. Hu tkellem dwar id-drittijiet tal-persuna fil-ġuf u qal li llum hemm min qed jiddikjara li dawn il-persuni huma biss numru ta’ ċelloli; din il-pożizzjoni tkun qed tirfes id-drittijiet tal-persuni irrispettivament mit-twemmin politiku jew reliġjuż tagħhom.

Adrian Delia sostna li l-gevrn ma jistax jiddikjara li jipproteġi lin-nisa kontra l-vjolenza domestika u fl-istess waqt iressaq ukoll liġi oħra li biha jista’ jitneħħa s-sess fit-twelid. Hu qal li dan mhux progress u sostna li l-gvern qed ineż’ża dak li jiddistingwi lill-bniedem.

Id-deputat Nazzjonalista kompla li din hi sensiela ta’ dak li qed iseħħ fil-parlament taħt it-tentattiv li qed isir biex jingħad qed jingħataw drittijiet indaqs għal kulħadd. Fil-liġi jista’ jingħad li kull persuna għandu jkollha l-istess drittijiet mingħajr il-bżonn li jkun hemm riferenza għall-ġeneru, sostna Adrian Delia, li kompla li dawn huma liġijiet li qed jattakkaw it-tessut tas-soċjetà li baqgħet temmen f’dak li hi u li jiddistingwuha minn soċjetajiet oħrajn. Hu qal li jemmen bil-kbir li kieku fil-parlament jingħata vot ħieles u naraw x’irid il-poplu, jirriżulta li l-poplu ma jrid li s-soċjetà Maltija tmurx f’din id-direzzjoni.