Basketball Sport

Impenn fit-Turkija għar-referee lokali tal-basketball Bernard Vassallo

Ir-referee internazzjonali lokali tal-basketball Bernard Vassallo se jmur ġewwa t-Turkija biex minn nhar it-Tlieta 1 ta’ Dicembru sas-Sibt 5 ta’ Dicembru, huwa se jkun wieħed mir-referees mgħajta biex jikkontrollaw partiti validi mill-ewwel ‘bubble’ tal-FIBA Euro League femminili li se tintlagħab gewwa l-Metro Energy Arena f’Istanbul. Fil-fatt Vassallo huwa wieħed minn għaxar referees nnominati għal din il-‘bubble’ fejn erba’ timijiet, il-ġganti Torok Fenerbahce, iċ-champions Franċiżi Asvel, dawk Polakki Gdynia kif ukoll l-eks champions Ewropej Praga, se jkunu qed jilgħabu tliet rawnds ta’ partiti f’sitt ġranet taħt protokoll strett kontra l-COVID19 impost mill-istess FIBA.

L-ewwel ġurnata ta’ partiti tkun nhar it-Tlieta 1 ta’ Diċembru meta Fenerbahce jiltaqgħu kontra Praga waqt li wara Asvel jiffaċjaw lil Gdynia. Żewg ‘bubbles’ simili se jkunu qed jintlagħbu b’mod kontemporarju ġewwa Ġirona (Spanja) u Sopron (Ungerija). F’Jannar imbagħad tintlagħab it-tieni u l-aħħar ‘bubble’ mill-fażi tal-gruppi.