Lokali

Ir-rapport dwar l-udjenzi televiżivi u tar-radju ġie pospost għal aktar tard

Matul dawn l-aħħar snin, l-Awtorità tax-Xandir irċeviet għadd ta’ suġġerimenti minn stazzjonijiet tat-televiżjoni u tar-radju kif ukoll minn produtturi ta’ programmi, dwar l-istħarriġ tal-udjenzi li l-Awtorità ilha twettaq u tippubblika għal diversi snin. 

L-Awtorità fi stqarrija qalet illi ħasset li wasal iż-żmien li tirrevedi dan l-istħarriġ u fil-fatt f’dawn l-aħħar ġimgħat kienet qed tiddiskuti internament liema riformi jistgħu jġibu din il-bidla.

Dan wassal biex l-istħarriġ tal-udjenza li normalment kien isir f’Ottubru/Novembru mhux se jsir din is-sena. Minflok ser ikun qed isir stħarriġ b’mod xi ftit differenti għal matul ix-xahar ta’ Diċembru 2020. L-istqarrija ma tgħidx kif se jkun dan il-metodu differenti.

Ir-rapport se jkun qed jiġi ppubblikat matul it-tieni nofs ta’ Jannar 2021.

Riċentament, anke l-Kap tat-Taqsima tal-Aħbarijiet ta’ Net TV kiteb pubblikament dwar il-bżonn li jinbidel dan il-metodu, u l-importanza li l-Awtorità tax-Xandir tibda tuża’ data mill-operaturi li jipprovdu s-servizz. Dan ineħħu kull bżonn li jsir stħarriġ fejn jidħol it-televiżjoni.