Lokali Parlament

Ir-rapport tal-Grevio dwar il-vjolenza domestika għandu jkun diskuss fil-parlament

Claudette Buttigieg, PN

Id-deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg appellat biex ir-rapport tal-Grevio dwar il-vjolenza fuq in-nisa f’Malta jkun diskuss fil-parlament.

Meta tkellmet fil-parlament Claudette Buttigieg qalet li l-istrateġija dwar l-ugwaljanza kienet nieqsa mill-ideat u ma nkitbitx b’mod xieraq; għalhekk il-gvern issa qed jgħid li din l-istrateġija inkitbet mill-ġdid. Hi sostniet li l-pajjiż jeħtieġ imur għall-fatti konkreti u kompliet li kien gvern Nazzjonalista li fl-2003 għamel l-ewwel liġi dwar l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li gvern Nazzjonalista kien waqqaf ukoll l-NCPE li għadha taħdem sal-lum. Claudette Buttigieg kompliet li għandu jsir sforz kollettiv biex isiru bidiet u jitneħħew l-inġustizzji bejn in-nisa u l-irġiel f’diversi liġijiet. Kienet il-Qorti Kostituzzjonali li talbet li jsiru l-emendi fil-liġi iżda l-gvern ilu mill-2018 biex iwettaq l-emendi.

Hi qalet li mhux biżżejjed li jinbidlu l-liġijiet fil-parlament u sostniet li l-Qorti kostituzzjonali sabet lill-Istat ħati milli jipproteġi vittma ta’ vjolenza domestika fejn kien stabbilit li fis-sistema hemm nuqqasijiet kbar fil-proċeduri fejn tidħol vjolenza domestika. Il-Qorti qalet li n-nuqqas tal-pulizija jammontaw għal ksur mill-Istat li jassigura l-ħajja privata tal-persuna involuta.

Claudette Buttigieg qalet li l-Ministeru tal-Ġustizzja għandu janalizza l-liġijiet dwar l-ugwaljanza u sostniet li l-ugwaljanza tolqot il-ministeri kollha. Hi semmiet il-liġi dwar il-prostituzzjoni u qalet li l-gvern mhux jimxi bl-istess kejl kif qed jimxi f’din il-liġi. Il-prostituzzjoni mhix impjieg bħall-oħrajn għaliex fiha hemm l-element tad-dominanza assoluta tal-irġiel fuq in-nisa.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li fil-prostituzzjoni, is-saħħa għandha tingħata lill-prostituti u mhux lil min imexxiehom. Jeħtieġ li ma nkunux selettivi meta nitkellmu fuq l-ugwaljanza, sostniet Claudette Buttigieg, li kompliet li l-istrateġija għall-ugwaljanza għandha titmexxa bl-istess mod kif il-gvern mexa dwar il-komunità LGBTIQ.

Claudette Buttigieg kompliet li r-rapport tal-Grevio dwar il-vjolenza domestika għandu jkun diskuss fil-parlament għaliex hemm dikjarazzjonijiet gravi u serji. Il-Grevio kellha kritika qawwija u serja ħafna fil-konfront ta’ Malta minħabba d-diversi nuqqasijiet gravi li nstabu dwar il-vjolenza fuq il-mara sempliċiment għax hi mara.

Id-deputat Nazzjonalista kompliet li l-kisbiet li saru dwar l-LGBTIQ m’għandhomx ikunu trattati u mpoġġija fil-kuntest tal-vjolenza fuq in-nisa. Il-Grevio qed tgħid li f’Malta hawn diversi każi fejn il-mara qed tissottometti ruħha għal dak li jrid ir-raġel.

Claudette Buttigieg qalet li l-pulizija m’humiex attrezzati biżżejjed u mħarrġa biex jitrattaw il-vjolneza domestika. Hi qalet li l-gvern mhux jifhem biżżejjed il-problemi fil-prostituzzjoni u d-drittijiet tan-nisa.

Claudette Buttigieg semmiet l-immigranti u qalet li trid issir analiżi dwar minn fejn ikunu ġejjin in-nisa immigranti fuq id-dgħajjes li jkunu tqal jew li jkunu ġew stuprati biex jintużaw għal skop ta’ residenza. Il-COVID żied il-vjolenza domestika, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li trattat ukoll in-nies li jinsabu f’xifer il-faqar minħabba li m’għandhomx id-dħul finanzjarju bħall-irġiel.