Lokali Parlament

Konferma li fil-ħabs hemm siġġu li jintrabtu miegħu l-priġunieri

Il-Ministru tal-Intern Byron Camilleri kkonferma li fil-Ħabs ta’ Kordin hemm siġġu li miegħu jintrabtu l-priġunieri.

Fil-ħin tal-mistoqsijiet, id-deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami staqsa lill-Ministru tal-Intern biex jikkonferma rapporti fil-media li fil-ħabs hemm siġġu tal-kastiġ li miegħu jintrabtu l-priġunieri u jingħataw kastig.

Il-Ministru Camilleri qal dan is-siġġu ntuża biss darba fuq parir ta’ tabib f’każ ta’ priġunier li kien aggressiv u ntuża biex dan la jweġġa’ hu u lanqas iweġġa’ lil ħaddieħor. Hu sostna li fil-Ħabs ta’ Kordin illum hemm 900 persuna , li 300 minnhom huma Maltin; dan qed iġib sfidi kbar.

Id-deputat Nazzjonalista sostna li fit-tweġiba tiegħu l-Ministru Camilleri kien qed jikkonferma r-rapporti fil-media. Il-Ministru Camilleri ċaħad li kien qed jikkonferma li fil-ħabs kien hemm siġġu li miegħu l-ħabsin jintrabtu għarwenin bħala kastig.