Lokali Qorti

Kristiansen ċempel għall-karozza wara li dik misruqa tħalliet f’parkeġġ f’Tal-Pietà

Kien Jesper Kristiansen li ċempel lill-kumpanija Bolt għall karozza wara li l-akkużati bil-qtil doppju f’Tas-Sliema fis-sajf li għadda kienu ħallew karozza misruqa tat-tip VW Tiguan f’parkeġġ taħt l-isptar San Luqa. Dan kien ikkonfermat ukoll minn numru tal-mobajl li huwa propjetà tad-Daniż.

Wara li seħħ id-delitt fi Triq Locker, Kristiansen flimkien mal-akkużati Daniel Muka u Viktor Dragomanski reħewlha lejn tal-Pietà u minn hemm daħlu f’ħanut u talbu l-password tal-Wifi. Minn filmati tas-CCTV ħareġ ukoll li t-tliet irġiel għamlu ħin ħdejn ‘bus-stop’ fl-Imsida.

L-Ispettur Colin Sheldon kien it-tieni xhud fil-kumpilazzjoni li qed issir quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud, liema kumpilazzjoni bdiet nhar it-Tnejn fejn Kristiansen qed jiġi akkużat bil-qtil doppju ta’ Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski .

Wara li spjega kif il-Pulizija marru fuq il-post u fir-residenza raw ħafna dmija, x-xhud ta rakkont dwar x’għamlu l-akkużati wara li allegatament qatlu liż-żewġ irġiel.

Sheldon qal li l-Albaniż Daniel Muka, wieħed mill-akużati f’dan il-qtil doppju kien interrogat tliet darbiet fil-Kwartieri tal-Pulizija, stess li identifika lil Jesper Kristiansen u anke lil Viktor Dragomanski bħala l-persuni li kienu miegħu fit-18 ta’ Awwissu filgħaxija dak inhar tal-inċident.

Kristiansen, qal ix-xhud kien irreġistrat f’residenza imma ma setgħax jinstab.  Sheldon qal li Viktor Dragomanski qal li kien ma Muka u l-ħabib tiegħu, Jesper Kristiansen.

Hu identifika lil Kristiansen meta ra ritratt tiegħu. Informazzjoni dwar id-Daniż instabet ukoll fuq il-mobajls ta’ Muka u ta’ Deagomanski.  Ix-xhud ikkonferma li Dragomanski dejjem tenna li li baqa’ fl-karozza u mar ħdejn it-tnejn l-oħra aktar tard.

Dejjem ikkontenda wkoll mal-Pulizija li xejn ma kien ippjanat u mar kollox ħażin, u dan dejjem skont ma’ qalilhom Dragomanski. Christian Pandolfino u Ivor Maciejowski sfaw maqtula f’darhom fit-18 ta’ Awwissu.

Viktor Dragomanski, raġel ta’ 36 sena mill-Maċedonja ta’ Fuq u Daniel Muka ta’ 25 sena mill-Albanija flimkien ma’ Jesper Kristiansen, Daniż ta’ 30 sena huma akkużati b’dan id-delitt.

Jesper Kristiansen, kien ħarab minn Malta jiem wara l-qtil iżda spiċċa arrestat fi Spanja.  Dwar dan qal Sheldon, il-Pulizija kienet marret tkellem tfajla li kienet tgħix mal-akkużat u din qaltilhom li huwa kien telaq minn Malta fit-28 ta’ Awwissu fis-6.30am fuq titjira tar-Ryanair. Pero ma kinitx taf fejn kien sejjer.

Sadanittant Muka kif ukoll Dragomanski ammettew ir-rwol tagħhom f’attentat ta’ serqa mid-dar taż-żewġ vittmi, it-tnejn li huma weħħlu f’xulxin fuq il-qtil taż-żewġt irġiel. Madankollu Kristiansen mhux qed jgħin lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet tagħhom u qed jibqa’ sieket għad-domandi li qed isirulu.

L-Ispettur Sheldon qal li minn filmati li elevaw mill-ajruport, raw lil Jesper Kristiansen u immedjatament ħarġu mandat ta’ arrest. Qal li huwa nġieb Malta fid-19 ta’ Novembru,.

Għall-akkużat deher l-Avukat Stefano Filletti filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent James Grech u l-Ispettur Colin Sheldon. Il-kumpilazzjoni tkompli fid-9 ta’ Diċembru.