Lokali

NIŻVELAW: Madwar 300 ħaddiem ta’ kumpanija tal-igaming jingħataw is-sensja

Madwar 300 ħaddiem u l-familji tagħhom mistennija jgħaddu l-Festi tal-Milied u l-bidu tas-Sena l-Ġdida fost inċertezza qawwija. Dan hekk kif dalgħodu ġew infurmati li tilfu xogħolhom.

NET News jinsab infurmat li l-ħaddiema tal-kumpanija tal-igaming NetEnt, issejħu għal laqgħa fl-10am, fejn kienu nfurmati li xogħolhom kien se jintemm ħesrem.

Fil-fatt, huma ngħataw ċans sas-6pm biex jieħdu l-affarijiet personali tagħhom mill-binja. Jekk ma jagħmlux hekk, kienu se jsibu l-affarijiet tagħhom mormija f’nofs it-triq.

Minn informazzjoni li kiseb NET News jirriżulta li fi tmiem il-laqgħa ta’ filgħodu, innutaw li s-servers tal-logħob intfew għalkollox, issa li xogħolhom ma kienx se jitkompla.

Jirriżulta li ftit tax-xhur ilu, il-kumpanija NetEnt inxtrat mill-kumpanija Evolution. Hu mifhum li dan il-pass wassal għall-waqfien tal-impjiegi kollha fil-bidu ta’ Diċembru, meta l-kumpanija ngħaddiet f’idejn is-sidien il-ġodda.

Madankollu, il-ħaddiema baqgħu mhux infurmati x’se jiġri minnhom, jiġifieri jekk l-impjieg tagħhom hux se jkun trasferit għal mas-sidien il-ġodda jew le.

Il-ħaddiema li tkellmu ma’ NET News qalu li, għalkemm kienu jafu bit-tibdil tas-sidien, qatt ma kellhom idea li setgħu jispiċċaw mingħajr impjieg. Qatt ma għaddietilhom minn moħħhom lanqas li dan il-pass jista’ jittieħed ftit jiem qabel il-Festi tal-Milied.

Fl-istess waqt, mhux ċar jekk il-Gvern kienx infurmat b’dawn l-aħħar żviluppi u jekk ipprovax jintervjeni biex isalva kemm jista’ jkunu impjiegi mill-madwar 300 milquta.

Sadanittant, mistoqsijiet mibgħuta minn NET News lill-kumpanija NetEnt dwar dak li ġara fl-aħħar sigħat, s’issa baqgħu mhux imwieġba.

Ikkummenta