Futbol Sport

Partita deċiżiva għal Liverpool u Inter

Illejla titkompla l-ħames ġurnata tal-UEFA Champions League, b’numru ta’ partiti deċiżivi fejn rebħa tista tfisser kwalifikazzjoni għal fażi tal-aħħar sittax. L-iktar konfronti mistennija tal-lejla huma bla dubju l-partiti fi Grupp B u Grupp D.

Fi Grupp D, Liverpool se jilqgħu lil Ajax ġewwa darhom. Rebħa għat-tim Ingliż tfisser li huma aċċertaw post fil-fażi li jmiss, filwaqt li jekk jirbħu Ajax, kollox jkun deċiż fil-partiti tal-ġimgħa d-dieħla. Fil-konfront l-ieħor, Atalanta jilgħabu kontra Midtjylland li diġa nqalgħu. Rebħa għal Atalanta tpoġġihom fit-tieni post tal-grupp, ikun x’ikun ir-riżultat fil-partita l-oħra. (Klassifika – Liverpool 9, Ajax 7, Atalanta 7, Midtjylland 0)

It-tamiet li Inter jikkwalifikaw huma kważi impossibli, hekk kif se jilgħabu barra minn darhom kontra Monchengladbach fi Grupp B. Inter jeħtieġu rebħa bilfors, filwaqt li l-Ġermaniżi bi tlett punti jikkonfermaw post mal-aħħar sittax. Mill-banda l-oħra, Real Madrid jisperaw li Inter jitilfu hekk kif rebħa għall-Ispanjoli u telfa għat-Taljani tikkonferma post fil-fażi li jmiss għal Monchengladbach U Real Madrid. Din tkun umiljazzjoni kbira għal Inter speċjalment jekk jiġu l-aħħar f’dan il-grupp, wara d-diversi plejers li xtraw speċifikament biex itejbu l-progress tagħhom f’kompetizzjoni Ewropej. (Klassifika – Gladbach 8, Real Madrid 7, Shakthar 4, Inter 2)

Bayern Munich huma diġa konfermati rebbieħa ta’ Grupp A, filwaqt li Atletico Madrid jaspiraw għal rebħa kontra l-Ġermaniżi u telfa għal Lokomotiv biex jgħaddu. (Klassifika – Bayern 12, Atletico 5, Lokomotiv 3, Salzburg 1)

Man. City ukoll kwalifikaw minn Grupp C, filwaqt li Olympiacos jeħtieġu rebħa bilfors biex iżommu t-tamiet ħajjin. Minkejja dan, jekk Porto jgħelbu lil City, dawn it-tnejn jaħtfu post fil-fażi li jmiss. Għalhekk, kollox jiddependi minn din il-partita għal Olympiacos. (Klassifika – City 12, Porto 9, Olympiacos 3, Marseille 0)

Ikkummenta