Futbol Sport

Rebħa oħra għat-tim nazzjonali Malti tan-nisa kontra l-Iżrael

(Ritratt: Alan Schieber)

IŻRAEL……..0

MALTA……..2

Iżrael: Kats, S. Nakav (75’ M. Sharabi), S. Pearl, I. Kuznezov, K. Hazan, K. Sendel, M. Been, R. Shimrich (61’ R. Michaeli), R. Shtainshnaider (75’ O. Sofer), L. Falkon, N. Salmihujic

Malta: J. Xuereb, E. Lipman, S. Farrugia, D. Theuma (46’ M. Farrugia), R. Cuschieri, A. Sultana (77’ E. Xuereb), S. Zammit, C. Zammit, B. Borg (65’ Y. Carabott), N. Sciberras, H. Bugeja (91’ M. Borg)

Referee: Ivana Projkovska

Rebħa oħra għat-tim nazzjonali Malti tan-nisa fi prestazzjoni mill-aqwa wara li għelbu lil Iżrael 2-0 permezz ta’ gowls ta’ Brenda Borg u Haley Bugeja fl-aħħar partita tagħhom mill-fażi ta’ kwalifikazzjoni għal EURO 2022. Dan ifisser li Malta temmet fir-raba’ post fi Grupp B b’għaxar punti li huwa l-iktar li qatt kisbet f’kompetizzjoni internazzjonali, kif ukoll din kienet it-tieni partita konsekuttiva fejn ma qalawx gowl.

L-ewwel opportunità tal-logħba waslet mingħand l-Iżrael fil-11-il minuta, meta minn kross ta’ Salmihujic, Falkon mill-vicin tefgħet għoli.

L-ewwel xutt lejn il-lasta għat-tim Malti sarraf f’gowl. Fl-14-il minuta, Bugeja minkejja li pressata mid-difiża tal-Iżrael, sabet l-ispazju u xeħtet ballun lejn BORG li għelbet faċilment lil gowlkiper.

Żball fid-difiża ta’ Malta fil-25 minuta meta Dorianne Theuma tilfet il-ballun b’Hazan ħatfet l-opportunità b’xutt lejn il-lasta iżda Janice Xuereb laqgħat tajjeb.

L-Iżrael spiċċaw jilgħabu bi plejer inqas wara li fil-51 minuta, Kuznezov ingħatat it-tieni karta safra wara fowl fuq Bugeja.

It-tieni gowl għal Maltin wasal fis-60 minuta. Shona Zammit qabdet lill-avversarji f’kontra attakk fejn qasmet lejn Borg, li tefgħet kross lejn BUGEJA u weħidha kontra l-gowlkiper ma żbaljatx.