Internazzjonali

Renju Unit: Debenhams se tagħlaq il-ħwienet kollha tagħha — bil-falliment qed jidher viċin

Il-kumpanija tal-‘high street stores’ famuża, Debenhams, se tagħlaq għal kollox il-124 stabbiliment (kollha) tagħha, meta tinsab dejjem eqreb il- falliment uffiċjali. Dan wara li fallew it-taħditiet bil-għan li l-isem famuż ma jintilifx lid-dinja tal-kummerċ.

L-entità ‘Debenhams’ , issa, se tgħaddi minn proċess ta’ likwidazzjoni wara li JDSports irtirat l-offerti biex issalva lil dan il-brand ta’ department stores — u bir-riżultat li jistgħu jitilfu xogħolhom mat-12,000 impjegat.

Il-websajt ta’ Debenhams se jkompli għaddej bil-kummerċ u l-ħwienet għandhom jibqgħu miftuħin sakemm jinbiegħ is-stock li fadal. Madankollu, l-indikazzjonijiet huma li l-ħwienet ta’ Debenhams se jagħlqu kollha fl-ewwel xhur tas-sena d-dieħla.

JD Stores kienet l-aħħar kumpanija li baqgħet tinsisti b’offerta għal Debenhams — li ilha teżisti għal 242 sena — u li ilha minn April tiffaċċja d-diffikultajiet kbar. Hu minnu wkoll, intant, li s-sidien ta’ Debenhams issensjaw diġà mas-6,500 ħaddiem, minn Mejju ‘il hawn.-