Lokali Qorti

Sentenza sospiża fuq armi bla liċenzja u għodod misruqa

Raġel ta’ 46 sena mill-Ħamrun ġie kundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li ammetta li fis-26 ta’ Frar li għadda u qabel kellu fil-pusses tiegħu diversi armi bla liċenzja u għodod misruqin. Huwa ammetta wkoll li kellu forom ta’ gas tad-dmugħ.

Charles Agius li ġie mmultat ukoll €1,500 ammetta quddiem il-Maġistrat Doreen Clarke li kellu l-armi u l-għodod f’post fejn kellu t-tiġieġ fis-Siġġiewi. Il-Pulizija kellha nformazzjoni li Agius kien qed iżomm l-armi u meta marret fil-post, li huwa sit ta’ kostruzzjoni sabet aktar minn 100 oġġett li jikkonsistu f’għodda.

Fost dawn kien hemm numru ta’ ‘drillers’ li rriżulta li kienu misruqin. Fil-post instabu wkoll armi tan-nar u anke gass tad-dmugħ. Ħafna minn dawn l-armi kienu modifikati biex jintużaw fil-qtil tal-ġrieden, li għal xi wħud huwa delizzju.

Agius ammetta wkoll li mingħajr liċenzja tal-Kummissarju tal-Pulizija, għamel tibdiliet f’arma tan-nar, hekk li tinbidel il-klassifikazzjoni ta’ dik l-arma u li kellu fil-pussess tiegħu apparat iddisinjat sabiex joħnoq jew inaqqas il-ħoss ta’ sparatura ta’ arma tan-nar.

Fuq il-piena l-Qorti ħadet in konsiderazzjoni n-natura tar-reati li tagħhom huwa nstab hati u l-koperazzjoni tiegħu mal-Pulizija, l-ammissjoni fl-aktar stadju bikri ta’ dawn il-proċeduri, u l-kondotta tiegħu li hija kważi netta.  

Il-Qorti filwaqt li ordnat li l-multa ta’ €1,500 għandha titħallas fi żmien sena ordnat il-konfiska tal-armi kollha maqbuda. Għal Agius deher l-Avukat Chris Busietta filwaqt li l-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Joseph Mercieca, Saviour Baldacchino u Kylie Borg.

.