Lokali Qorti

Serb b’ammonti ta’ droga fid-residenza tiegħu tas-Sliema jingħata l-libertà proviżorja

Serb ta’ 31 sena, residenti tas-Sliema u li fid-dar tiegħu l-Pulizija sabet 1.75 kilo ta’ kannabis, 19-il gramma kokaina u seba’ grammi MDMA li hija forma ta’ ecstacy ingħata l-libertà proviżorja fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €25,000.

Darko Similjanic qed iwieġeb mhux ħati ta’ pussess mhux għal użu personali tiegħu u qed jikkontendi li d-droga li nstabet fl-appartament tiegħu hija għalih u mhux biex ibiegħa.

Meta bdiet il-kumpilazzjoni quddiem il-Maġistrat Neville Camilleri ġie żvelat li l-akkużat li jaħdem Malta bħala fattiga, xufier tat-taxi u anke fil-kostruzzjoni kien spiċċa arrestat wara nformazzjoni li kellha l-Pulizija li mill-ewwel bdiet tagħmel sorveljanza mad-dar ta’ Similjanic.

Inzerta wkoll li meta l-Pulizija għamlet rejd fid-dar tal-akkużat kien hemm persuna dieħel fl-appartament u li dan ġie wkoll mitkellem mill-Pulizija. Fil-ħin tal-arrest tiegħu, il-Pulizija sabu d-droga kemm ġewwa l-appartament tiegħu kif ukoll fuq il-persuna tiegħu.

L-Ispettur Steven-Ryan Micallef qal fil-Qorti li nstabet ukoll taħlita ta’ qratas vojta. L-akkużat kien qal lill-Pulizija li kien xtara d-droga għall-użu tiegħu stess, iżda d-daqs tal-pakketti jista’ jindika li kien sempliċement ibigħ f’denominaturi kbar, skont l-Ispettur Micallef.

Id-difiża mmexxija mill-Avukat Franco Debono mgħejjun mill-Avukati Marion Camilleri u Francesca Zarb kellha l-argumenti tagħha milqugħa mill-Qorti.

Fil-fatt hija rribbattiet fost affarijiet oħra l-argumenti tal-Prosekuzzjoni fuq ir-rabtiet ma’ Malta, fejn l-Avukat Debono sostna li r-rabtiet tal-akkużat huma “pjuttost qawwija” ma’ Malta, fejn ilu jgħix għal sitt snin u għandu mara u żewġt itfal li jmorru l-iskola. L-avukat argumenta wkoll li l-akkużat ikkopera bis-sħiħ mal-Pulizija.

Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur Steven-Ryan Micallef qal li minbarra d-droga l-Pulizija sabet ukoll ammont sostanzjali ta’ flus kontanti, kif ukoll boroż tal-plastik vojta li normalment jintużaw fit-traffikar tad-droga. Il-valur tagħha huwa stmat li hu madwar €40,000.

Meta tela’ fuq il-pedana tax-xhieda l-Ispettur qal l-akkużat kien qed jiġi osservat lejl u nar. Meta daħlu fir-residenza tiegħu l-Pulizija sabu lill-akkużat u lil martu u kien hemm persuna li daħlet għal ftit fil-post.

Meta saret it-tfittxija instabu sustanzi illeċiti nstabu fuq kabinett. Ġew elevati wkoll ammont ta’ €2,500 fi flus kontanti u nstabu sustanzi minn ġewwa borża ħadra.

Borża oħra instabet ukoll bis-sustanzi u qratas. Il-kabinett kien fih kxaxen bi flus u sustanza u fi kxaxen oħrajn instabet ukoll ukoll borża sewda b’sustanzi. Instab ukoll katalgu bid-dettalji dwar kif titkabbar il-kannabis. Fil-banju kien hemm ukoll sustanzi illeċiti.

Kemm Darko u s-sieħba tiegħu kienu mitkellma mill-Pulizija. Huma wieġbu fuq dak kollu li nstab u qalu li l-akkużat juża d-droga kannabis kuljum u l-MDMA u kokaina okkażjonalment.

Huwa juża boroż li jissiġillaw waħedhom biex jippreservaw l-ikel għal uliedu u jaħżnu oġġetti oħra bħal buttuni. Qalu li d-drogi misjuba kienu kollha tiegħu. Ix-xhud qal li saret ukoll tfittxija fuq Darko Similjanic fejn instabu xi qratas.

Sustanzi nstabu wkoll f’armarji u f’boroż li jistgħu jiġu ssiġillati kellhom sticker bil-kliem ‘keep calm’ u ‘smoke-weed’. Instabu wkoll qratas vojta, crusher, u karti tal-flus. Fil-kċina instabu wkoll xi sustanzi.

Fil-Qorti kienet ippreżentata l-istorja tal-impjieg tal-akkużat minn uffiċjal tal- Jobsplus. Ħareġ li s-sid tar-residenza għandu kuntatt għal perjodu ta’ tliet snin f’Malta. Il-każ ikompli.