Lokali

Zammit Lewis jgħid li m’għandux irċevuti

M’għandix riċevuti ta’ sitt snin ilu.

Din kienet l-unika skuża li ġab il-Ministru Edward Zammit Lewis meta mistoqsi minn NET News min ħallas għas-soġġorn fil-lukanda Hilton fi Franza, ftit tas-snin ilu.

Zammit Lewis u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat kellhom soġġorn fil-lukanda fi Franza, fil-perjodu meta Yorgen Fenech kien għadu fin-negozju. Iżda filwaqt li Muscat u Zammit Lewis qalu mill-ewwel li l-vjaġġi tħallsu minn buthom, għadu mhux ċar min ħallas għal-lukanda.

Fil-fatt, issa mistoqsi direttament mill-ġurnalisti, il-Ministru tal-Ġustizzja qal biss li m’għandux riċevuti li jmorru lura għal sitt snin. U fl-ebda hin ma cahad li hallaslu Yorgen Fenech.

It-tweġiba ta’ Zammit Lewis waslet f’nofs mument ta’ paniku mill-Ministru nnifsu u mill-uffiċjali tiegħu, kif raw lill-ġurnalisti jistennew.

Fil-fatt, fi tmiem attività b’ħafna pompi f’uffiċċju żgħir fil-Belt – fejn ftit li xejn kienu segwiti n-normi li għamel il-Gvern stess b’rabta mal-pandemija tal-Coronavirus – l-Uffiċjali fil-Ministeru ta’ Zammit Lewis talbu lill-Uffiċjali tas-Sigurtà biex jagħlqu l-bibien tal-uffiċċji sakemm il-Ministru jagħti kumment lill-ġurnalista tax-Xandir tal-Istat u tal-media Laburista.

U f’nofs il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, Zammit Lewis telaq jgħaġġel sal-karozza li kellu tistennih mixgħula.

….u sal-lum ghadna ma nafux jekk kienx Yorgen Fenech li hallsilhom ghal din il-lukanda.

Minbarra li bħalissa hu akkużat bil-kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, isem Yorgen Fenech jibqa’ marbut ukoll maż-żewġ inbejjed fini li ta lil Muscat stess fil-birthday party tal-eks Prim Ministru …

… kif ukoll mal-vjaġġi lejn Las Vegas li organizza għall-eks Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri, li issa kellu jirriżenja mill-kariga.