Lokali Qorti

30 sena ħabs għal Olandiż li ammetta il-qtil makabru tal-eks tfajla tiegħu

l-Olandiż Jelle Rijpma ta’ 31 sena ġie kundannat 30 sena ħabs wara li ammetta flok għadda ġuri li b’mod makabru qatel lill-eks tfajla tiegħu Shannon Mak.  Inizjalment huwa kien ċaħad l-akkużi miġjubin kontrih li kienu jinkludu omiċidju intenzjonat u li ġarr arma kontra l-liġi.

Wara iżda huwa biddel fehmtu għal waħda ta’ ħtija. Kien fl-14 ta’ Ottubru li għadda li huwa ddeċieda li jammetti quddiem il-Qorti tal-Maġistrati. Rijpma kien qatel lil Mak ta’ 24 sena, fit-3 ta’ Awwissu 2018.

It-tabib tal-emerġenza Jonathan Joslin kien iddeskriva x-xena bħala waħda makabra li huwa sab fi Triq il-Mastrudaxxi . Il-katavru taż-żagħżugħa kien fit-triq f’għadira demm, maġenb ħajt. Huwa kien qal fuq il-ħajt, kien hemm marki tal-idejn imdemmija tagħha.

Joslin u l-kollega tiegħu t-tabib Michael Spiteri kienu qalu li meta waslu fuq il-post il-vittma ma sabu l-ebda polz u Mak ma kinitix qed tieħu nifs. Huma qalu li ferita estensiva fl-għonq kienet li kkawżat emorraġija fatali.

Meta ġie msejjaħ il-każ quddiem il-Qorti Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, Rijpma ikkonferma l-ammissjoni tiegħu. Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha ħadet nota tal-kondotta tiegħu ki kienet waħda nadifa, filwaqt li qieset ukoll is-sottomissjonijiet konġunti tal-Avukat Ġenerali u tad-difiża tal-akkużat, li talbu għal piena ta’ priġunerija għal 30 sena.

Il-Qorti kkundannatu 30 sena ħabs kif ukoll multa ta’ €116.47 fuq l-arma li kellu bla permess. Huwa ġie ordnat ukoll iħallas is-somma ta’ €33,000 bħala spejjeż tal-Qorti. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Kurt Zahra.

L-Avukat Elaine Mercieca deheret f’isem l-Avukat Ġenerali filwaqt li għall-akkużat deher l-Avukat  Stephen Tonna Lowell. L-Avukat Stefano Filletti deher bħala parte civile għan-nom tal-familja tal-vittma.