Lokali Parlament

Dan se jkun Milied differenti; iridu jittieħdu l-prekawzjonijiet

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci

Meta pparteċipat f’sessjoni tal-Kumitat Parlamentari għall-Affarijiet tal-Familja li ddiskuta l-COVID fi żmien il-Milied, is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li dan se jkun Milied differenti li fih bilfors iridu jittieħdu l-prekawzjonijiet.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika Charmaine Gauci qalet li l-akbar dwejjaq għalija hu meta jkun hemm imwiet minħabba l-COVID. Hi sostniet li bħalissa qed ikun hawn madwar 120 każ kuljum; li hu ammont sostanzjali iżda meta jsiru l-paraguni ma’ pajjiżi oħra Malta tinsab fit-22 post fl-Ewropa.

Qed ikun hawn 15-il persuna li jmutu kull ġimgħa u Malta tinsab fid-19-il post fl-imwiet fejn pajjiżi oħra għandom rata ogħla. L-akbar trasmnissjoni balissa hi fil-familji stess u għalhekk għandhom jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa ta’ iġene. Jidher li fl-iskejjel ma kienx hemm imxija qawwija; dan seħħ minħabba li l-iskejjel kienu attenti għas-sitwazzjoni.

Hi qalet li kien importanti li l-iskejjel jiftħu biex it-tfal ma jispiċċawx sena mingħajr skola. Jeħtieġ li min iħaddem ukoll jappoġġja kemm jista’ ix-xogħol mid-dar.

Charmaine Gauci qalet li dan hu Milied differenti għaliex iridu jittieħdu prekawzjonijiet u appellat biex dan il-Milied ikun wieħed sigur u taħt kontroll bla kuntatti. F’din il-fażi tal-pandemija mhux tajjeb li jsiru ħafna kuntatti biex meta jgħaddi kollox kulħadd ikun jista’ jgħannaq lill-maħbubin tiegħu, sostniet Charmaine Gauci li appellat biex in-nies jgħadduh fil-familja. Hawn familji li se jiltaqgħu flimkien b’mod elettroniku fl-ikla tal-Milied.

Hi appellat liż-żgħażagħ biex ikunu evitati parties u spjegat kif il-parties fid-djar huma riskjużi speċjalment meta l-persuni jixorbu l-alkoħol u l-miżuri ta’ prevenzjoni ma jibqgħux taħt kontroll. Appell ieħor hu dwar il-postijiet tax-xogħol fejn l-ikiel u l-parties qed isiru mod ieħor waqt li s-sidien qed joffru wkoll donazzjonijiet lil min għandu bżonn flok jonfquhom fil-parties.

Il-Viċi-Kap tal-PN David Agius staqsa x’inhu l-futur tal-COVID anki fil-kuntest tal-persuni fl-ITU, kemm hu mifrux il-unit tal-familja u jekk il-parties fil-farm houses humiex f’din il-kategorija u jekk il-ġenituri tat-tfal li sħabhom jinstabu pożittivi għandhom jagħmlu kwarantina. Hu staqsa wkoll dwar il-funerali tal-persuni li jkunu pożittivi u l-għaġġla li qed isiru bihom dawn il-funerali.

Charmaine Gauci wieġbet li f’dawn il-ġimgħat se jkun hemm żieda ta’ każi madwar l-Ewropa u għalhekk f’Malta jridu jittieħdu l-prekawzjonijiet biex iż-żieda ma tkunx qawwija ħafna.

Hi qalet li “nafu li (l-każi) se jiżdiedu” u kompliet li kull pajjiż se jkollu allokazzjoni ta’ vaċċin kull tant żmien; il-prijorità hi li jkunu evitati l-imwiet. Il-prijoritajiet għall-vċċin ikunu l-ewwel dawk li jistgħu jmutu u l-front liners biex wara titlaqqam il-popolazzjoni kollha; sadattant l-istrateġija ta’ prevenzjoni trid tibqa’ għaddejja.

Il-Professur Gauci kompliet li fl-ITU bħalissa hemm 18-il persuna waqt li hemm 39 sodda disponibbli bil-possibbiltà li dawn jitilgħu għal 100 sodda. Bħalissa qed jingħata wkoll taħriġ kontinwu lill-ħaddiema.

Dwar is-sinifikat ta’ familji hi qalet li l-familja tfisser il-persuni li jgħixu fl-istess dar u enfażissat li fil-komunità hemm każi ta’ COVID li m’humiex magħrufa. Meta tkellmet dwar l-iskejjel, hi qalet li kien hemm 14-il każ ta’ tfal li daħlu l-isptar.

Jirriżulta li iktar ikun hemm każi ta’ COVID fejn il-persuni jkunu bilwieqfa jitkellmu flimkien; kien għalhekk li ngħalqu l-barijiet filwaqt li fir-ristoranti s-sitwazzjoni hi differenti u hemm iqas riskju, spjegat Charmaine Gauci.

Bħalissa qed isiru madwar 200 rapid test kuljum fl-Isptar Boffa fejn il-persuni pożittivi jingħataw konferma f’nofs siegħa; dan qed jintuża’ wkoll fl-ajurport fejn issa qed jintlaħqu n-nies li jiġu minn barra.

Dwar l-isport hi qalet li l-pjan kien li dan ikun protett u r-riskji li fihom l-isport tal-kuntatt u spjegat ir-riskji jekk il-partitarji jitħallew jidħlu fl-istadia. Dan anki biex ikunu protetti l-istess players.

Id-deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo qal li l-Milied iġib solitudni għall-persuni li jkunu weħidhom fid-djar u sostna li s-solitudni hi wkoll panemija fil-pajjiż u fid-dinja. Hu staqsa jekk hemm ideat kif tittaffa s-solitudni lil dawn il-persuni.

Charmaine Gauci qalet li minbarra s-solitudni hemm ukoll il-mard mentali u appellat biex l-entitajiet lokali jgħinu lil dawn il-persuni weħidhom billi jżommu kuntatt magħhom.

Dwar il-funerali, Chairmaine Gauci qalet li meta persuna bil-COVID imut il-virus xorta jibqa’ ħaj u għalhekk il-mejjet qed jitpoġġa ġo żewġ body bags bid-dfin isir f’24 siegħa. Dawn huma l-uniċi differenzi bejn funerali normali. Hi qalet li m’hemmx bżonn li jintlibes l-ilbies protettiv mill-persuni li jieħdu ħsieb il-funerali.