Għawdex Lokali

Diversi Maltin mistennija jqattgħu l-festi tal-Milied f’Għawdex

Il-Milied f’Għawdex din is-sena se jiġi ċċelebrat b’mod differenti mis-snin preċedenti minħabba l-pandemija tal-Covid-19. Sa mill-bidu ta’ din il-pandemija, l-Assoċjazzjoni tat-Turiżmu ta’ Għawdex fehmet li s-suq domestiku kien se joffri opportunità biex jittaffa l-impatt ta’ uħud mill-viżitaturi barranin mitlufa fuq din il-gżira.

F’dan il-perjodu festiv, Għawdex mistenni jesperjenza influss ieħor ta’ viżitaturi biex jiċċelebraw, speċjalment il-bidu ta’ sena ġdida. Il-Gozo Tourism Association diġà għandna indikazzjonijiet ċari li l-akkomodazzjonijiet disponibbli f’Għawdex fil-maġġoranza tagħhom diġà ttieħdu għall-aħħar jiem tas-sena.

Dawn in-nies se jiġu ospitati fl-unitajiet ta’ akkomodazzjoni Għawdxin li qed joperaw taħt Protokolli tas-Saħħa stretti, kif maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa u mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu. Dan biex tiġi żgurata s-sigurtà tas-saħħa kemm għall-viżitaturi kif ukoll għall-impjegati fl-istabbilimenti turistiċi Għawdxin.

Il-GTA qed tappella lill-mistednin kollha li se jżuru Għawdex matul dan l-istaġun festiv, biex jaderixxu strettament mal-istruzzjonijiet, twissijiet u appelli li qed jitħabbru kontinwament mill-Awtoritajiet tas-Saħħa.

Fi żminijiet ta’ sfida bħal dawn, matul pandemija, is-saħħa hija prijorità peress li hija wkoll parti mit-tkabbir ekonomiku.