Lokali

Estradit lejn Malta s-suspettat fil-qtil f’Santa Luċija

Tard ilbieraħ filgħaxija wasal Malta Samir Almiri, Libjan ta’ 37 sena li huwa s-suspettat ewlieni fil-qtil ta’ Victor Mckeon ta’ 62 sena. Każ li kien seħħ aktar kmieni din is-sena, fis-17 ta’ Marzu.  

Dan il-każ kien kiser il-ħemda tar-raħal ċkejken ta’ Santa Luċija… fejn propju instabet mejta din il-persuna. Kien għall-ħabta tat-3.30pm tat-Tlieta, meta nstab katavru f’appartament f’Misraħ Dorell, f’Santa Luċija, f’każ li jidher li hu ta’ omiċidju.

Minkejja li l-persuna nstabet kmieni wara nofsinhar, jidher li kienet ilha mejta, għaliex il-girien kienu ilhom ma jaraw lill-ġar tagħhom, u kienu huma li ċemplu lill-Pulizija għall-ħabta tas-2pm wara li xammew riħa qawwija ħierġa mill-post.

Il-vittma instab bla ħajja fl-art fil-kamra tal-banju tal-appartament, imgeżwer f’boroz tal-plastic.

Jidher li l-Libjan kien jgħix ma’ Victor Mckeon, iżda ma kien deher imkien għal jumejn sħaħ qabel dan l-omiċidju. McKeon huwa l-istess raġel li fil-11 t’Awwissu 2017 kien ġiet attakkat f’għonqu bil-lejl fl-istess appartament. Wara li kien għamel xi żmien l-isptar, Mckeon kien ġie rrilaxxat.

Fl-istess każ tal-2017, il-Libjan in kwistjoni kien ħareġ immanetjat u wara xi żmien reġa’ mar joqgħod ma’ Mckeon.

S’issa għadu mhux magħruf meta Samir Almiri mistenni jitressaq il-Qorti.