Internazzjonali

Ġermanja: L-inċident qattiel fi Trier mhux qed ikun trattat bħala terroriżmu

Ir-residenti fil-belt ta’ Trier jinsabu fi stat akut ta’ xokk wara l-inċident tat-Tlieta, fejn raġel saq karozza għal fuq in-nies f’zona pedonali fiċ-ċentru tal-belt, fejn qatel ħames persuni (ikkonfermati) — fosthom tarbija ta’ disa’ xhur – filwaqt li ħalla numru sinifikanti ta’ midruba.

Sadanittant, il-pulizija qed iżżomm lix-xufier tal-karozza taħt arrest u meta mhix tissuspetta li l-inċident seta’ kien xprunat minn ‘xi sens terroristiku’. Lanqas ma jaħsbu li l-inċident qattiel kellu skop politiku u reliġjuż, bl-investigazzjonijiet qed ikomplu.

Fl-istess ħin, il-prosekuturi li qed imexxu l-investigazzjoni qegħdin jibbażaw fuq diversi każi  ta’ suspettat omiċidju, attentat ta’ qtil u aġir perikoluż li sewa l-ħajja ta’ persuni. Sar magħruf ukoll li r-raġel arrestat kien qed isuq taħt l-influwenza tal-alkoħol.

Fl-aħħar sigħat kienet organizzata ċerimonja ta’ tifkira għall-vittmi tal-inċident barra l-famuża Porta Nigra (il-‘Bieb tar-Rumani’) fi Trier u fejn attendew ammont kbir ta’ residenti ta’ din il-belt li għaddejja minn luttu profond.

Minbarra t-tarbija, l-inċident sewa l-ħajja ta’ żewġ nisa u żewġ irġiel, bir-rapporti jgħidu li l-omm tat-tarbija spiċċat l-isptar bi ġrieħi serji.

Ix-xufier arrestat kien saq il-karozza b’veloċità għal distanza ta’ 900 metru miz-zona pedonali — bil-prosekuturi, wara, jallegaw li hu qed ibati minn problemi psikjatriċi ‘li setgħu wasslu għall-azzjoni fatali’. Dan wara li l-karozza inkwistjoni ‘bdiet tolqot lin-nies bl-addoċċ’ hi u għaddejja miċ-ċentru ta’ Trier li jinkludi, fost oħrajn, suq ewlieni.

Ir-raġel arrestat ma kellux rekord kriminali preċedenti u l-pulizija, fl-aħħar sigħat, sostniet li – wara l-inċident — ma kien hemm l-ebda indikazzjoni ta’ xi ‘theddida pendenti’.

Il-Kanċillier tal-Ġermanja, Angela Merkel, esprimiet sens ta’ dispjaċir qawwwi għal dak li seħħ fi Trier waqt li wasslet il-kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi f’dan iż-żmien mill-aktar trawmatiku għalihom.