Ekonomija Lokali

“Il-ħaddiema u min iħaddem huma ħolqa neċessajra fl-ekonomija ta’ pajjiżna” – Bernard Grech

“Il-ħaddiema u min iħaddem huma ħolqa neċessajra ferm fl-ekonomija ta’ pajjiżna”. Sostna dan il-Kap tal-PN Bernard Grech f’laqgħa li kellu mal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem, l-MEA.

Bernard Grech qal li għall-Partit Nazzjonalista l-ħaddiema minn dejjem kienu prijorità, fejn min iħaddem irid jgħaraf kemm hija importanti r-riżorsa umana tal-ħaddiema tiegħu.

Il-Kap tal-PN tkellem dwar l-istudj li sar mill-MEA dwar it-teleworking… studju li wera li 25% biss tal-jobs jippermettu t-teleworking. Għalhekk f’din id-direzzjoni wieħed irid joħloq aktar direttivi sabiex iktar employers joffru din l-għażla lill-ħaddiema tagħhom.

Min-naħa tiegħu l-Viċi President tal-MEA Arthur Muscat qal li llum il-ġurnata l-MEA tirrappreżenta ‘l fuq minn 800 kumpanija, b’total ta’ 60,000 impjieg.

Saħaq li l-MEA dejjem lesta għad-djalogu speċjalment mal-Oppożizzjoni, għax l-Oppożizzjoni ghandha tkun il-Gvern alternattiv.

Arthur Muscat tkellem dwar il-pandemija tal-COVID li bla dubju, affettwat lill-membri tagħhom, fejn dejjem  irrakomandaw biex ikun evitat it-twaqqif tal-impjiegi. Saħaq li l-pjan ‘il quddiem huwa li terġa’ tingħata l-ħajja mill-ġdid lis-settur privat, għaliex dan is-settur huwa l-ħajja tal-pajjiż. Preżenti għal din il-laqgħa mal-MEA kien hemm id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista Clyde Puli u Kristy Debono.