Lokali Qorti

Il-hijacker ta’ Afriqiyah Airways ikkundannat 25 sena ħabs

Wieħed mill-irġiel wara l-ħtif tal-Afriqiyah Airways fl-2016, raġel Libjan ta’ 29 sena, Shah Soko Moussa, ġie kkundannat 25 sena ħabs u ġie ordnat iħallas multa ta’ € 9,990 wara li ammetta l-akkużi kontrih. Jekk il-multa ma titħallasx fi żmien sena, din tinbidel f’sentenza ta’ ħabs.

Moussa kien ħataf titjira ta’ Afriqiyah Airways flimkien ma’ Ali Ahmed Saleh ta’ 30 sena lura fit-23 ta’ Diċembru 2016, li niżlet Malta. It-tnejn kienu qabdu l-Airbus A320 fl-ispazju tal-ajru Libjan u ddevjawha lejn Malta.

Abbord kien hemm 111-il passiġġier u sitt membri tal-ekwipaġġ. L-awturi ppruvaw jattakkaw il-kabina tal-pilota tal-ajruplan, waqt li kienu armati b’armi foloz.

Moussa kien hedded ukoll li jisplodi l-ajruplan wara li għadda messaġġ lil membru tal-ekwipaġġ. Il-messaġġ kien jaqra “għandek tinżel f’Ruma inkella se jisplodi l-ajruplan”.

Il-hijackers kienu leali lejn id-dittatur Libjan, b’xi midja Libjana saħansitra tgħid li ħatfu l-ajruplan għax riedu pubbliċità għal partit politiku ġdid. Wieħed mill-hijackers deher ukoll ixejjer il-bandiera ħadra Libjana wara li l-ajruplan kien niżel Malta.

Fi Frar li għadda, Moussa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih. Fost affarijiet oħra, Moussa ġie mixli bi terroriżmu, ħtif u li wettaq att vjolenti fuq ajruplan. 

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera rrimarkat li l-passiġġieri tal-ajruplan ma kinux konxji li kienu ġew maħtufa sa wara li tħallew barra mill-ajruplan.

Il-passiġġieri qalulhom li l-ajruplan kellu jinżel Malta minħabba temp ħażin. L-imħallef irrimarkat wkoll li l-akkużat ma rreżistiex l-arrest, ma użax armi tan-nar reali, u ma kienx aggressiv mal-passiġġieri tal-ajruplan.

Minkejja dan, Scerri Herrera qalet li Malta hija obbligata tieħu azzjoni stretta kontra t-terroriżmu biex turi lid-dinja li dawn l-atti ma jistgħu jiġu aċċettati taħt l-ebda ċirkostanza. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit mgħejjun mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Għal Moussa deheru l-Avukat George Anton Buttigieg u Simon Micallef Stafrace.