Lokali Parlament

Is-sistema tal-gwardjani lokali għandha tinbidel għall-aħjar

Karl Gouder, PN

Id-deputat Nazzjonalista Karl Gouder appella biex is-sistema tal-gwardjani lokali tinbidel għall-aħajr biex il-kunsilli lokali jingħataw iktar poteri u jkunu iktar effettivi.

Fil-parlament Karl Gouder qal li l-politika tal-gvern mhix qed tħalli r-riżultati mixtieqa u sostna li l-Lesa m’għandhiex tkun ikkunsidrata bħala mezz kif isiru l-flus. L-iskop primarju għandha tkun l-edukazzjoni u li l-ksur tal-liġi jitwaqqaf.

Iċ-ċentralizzazzjoni tas-sistema kienet l-ikbar żball li saret fejn tneħħiet is-saħħa tal-infurzar mill-kunsilli lokali, sostna Karl Gouder, li qal li din is-sistema qed tieħu l-ftit responsabbiltajiet li baqgħalhom il-kunsilli lokali.

Din hi differenza bejn il-PN u l-PL fejn il-PN jemmen li r-responsabbiltajiet għandhom ikunu għand il-kunsilli lokali waqt li l-gvern jemmen fiċ-ċentralizzazzjoni. Għalhekk il-Lesa u l-mod kif din taħdem għandhom ikunu kunsidrati bħala prijorità. Minn meta twaqqfet il-Lesa, n-nies naqsu u għalhekk m’hemmx biżżejjed nies biex jaqdu l-ħtiġijiet tal-komunità.

Id-deputat Nazzjonalista qal li quddiem il-problemi fil-lokalitajiet, iċ-ċittadini jkellmu lill-kunsilliera li qabel kellhom is-saħħa li b’mod immedjat jitkellmu mal-gwardjani u tittieħed azzjoni fi ftit ħin.

Illum bis-sistema multi-kumplikata u multi-burokratika li fejn hemm problemi l-kunsilli lokali jridu jikkomunikaw mal-Lesa u jokorbulha biex jintbagħtu gwardjani lokali fil-post, l-azzjonijiet meħtieġa mhux jittieħdu. Is-sitwazzjoni hi li biex jintbagħatu l-gwardjani lokali jdumu bejn ġimgħatejn u tliet ġimgħat. Din hi sistema li falliet, sostna d-deputat Nazzjonalista, li kompla, li għandha tinħoloq sistema differenti u effettiva.

Hu tkellem dwar il-bżonn tal-Green Wardens u qal li dawn illum kważi spiċċaw fix-xejn minkejja li numru kbir ta’ kontravenzjonijiet li qed isiru huma kontra l-ambjent. Iridu jkunu kkunsidrat wkoll il-kundizzjonijiet ta’ dawn il-ħaddiema minħabba li dawn jaħdmu dejjem barra; jistħoqqilhom ħafna iktar rispett u jingħataw iktar taħriġ.

Id-deputat Nazzjonalista tkellem dwar il-Pulizija tal-Komunità u qal li dan il-proġett diġà qed jagħti riżultati pożittivi iżda jeħtieġ li l-għasses tal-pulizija jibqgħu miftuħin.