Lokali

Jeħtieġ li kulħadd jibqa’ viġilanti anki meta jasal il-vaċċin tal-COVID-19

Maria Deguara, PN

Id-deputat Nazzjonalista Maria Deguara enfażizzat l-importanza li kulħadd jibqa’ viġilanti u josserva r-regoli anki meta jasal il-vaċċin tal-COVID-19; jekk dan ma jsirx ikun hemm konswgwenzi negattivi.

Fil-parlament Maria Deguara qalet li l-PN ġibed l-attenzjoni tal-gvern li minkejja l-ħafna kliem sabieħ dwar kemm l-anzjani huma għal qalb din l-amministrazzjoni, mhux kollox ward u żgħar fejn tidħol il-kura fit-tul f’numru ta’ residenzi sew tal-gvern kif ukoll dawk immexxijja mill-privat.

Is-sitwazzjoni marret għall-agħar bil-COVID 19 fejn qed jiġi proġġettat li n-numru ta’ mwiet jista’ jitla’ għal bejn erba’ u sitt persuni kuljum.

Hi qalet li hemm diversi nuqqasijiet fl-Isptar is-Sammaritan it-Tajjeb fejn li kmamar tal-anzjani ma kellhomx telefon, hemm kmamar li fihom tliet sodod bla distanza minima speċifikata mill-Awtorità tal-Istandards, il-maġġoranza ta’ dawk rikoverati jsibuha diffiċili jikkomunikaw mal-carers li l-parti l-kbira minnhom la jitkellmu bil-Malti u l-anqas bl-Ingliż sew u r-rapporti li qed jintrema’ skart mediku li jista’ jkun infettiv fi skips li jinsabu fuq barra.

Wara din il-kritika ttieħdu xi azzjonijiet beix il-familjari jitkellmu mal-anzjani iżda anzjani mobbli u li jinsabu fuq saqajhom u li ilhom żmien li daħlu f’din il-faċilità m’għadhomx imorru jinħaslu kif kienu soltu jagħmlu imma qedin jingħataw tidlika ħafifa biss f’kamrithom.

Nuqqas ieħor hu dwar in-nuqqas ta’ bdil ta’ lożor. Residenti li ilhom hemmhekk iżjed minn ġimgħa u nofs stqarrew li l-lożor tas-sodod ma nbidlulhom qatt. F’ċertu residenzi sew privati kif ukoll dawk imexxija permezz ta’ PPP mhux il-carers kollha jilbsu l-maskra; lanqas meta jidħlu fil-kmamar tar-residenti. Fi żmien pandemija din l-irresponsabbiltà mhix aċċettabbli.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li numru kbir ta’ persuni vulnerabbli għadhom ma rċevewx il-vaċċin tal-influenza. Jidher li t-tieni konsenja tal-vaċċin ta’ l-influwenza waslet u l-ewwel li se jitlaqqmu huma dawk ta’ ‘l fuq minn 55 sena, tfal bejn it-3 u l-5 snin u kull minn isofri minn mard kroniku.

It-tieni ammont tal-vaċċin tal-influenza staġjonali bdiet tingħata miċ-Ċentri tas-Saħħa il-Ħadd li għadda. Hu maħsub li biex tibda tkun effettiva sew tieħu madwar ġimgħatejn jew tlett ġimgħat jiġifieri tkun effettiva viċin nofs jew l-aħħar ta’ Diċembru. Dan il-perijodu hu viċin wisq iż-żmien ta’ meta qed nistennew numru akbar ta’ persuni li jkunu infettati bil-Covid u viċin wisq ta’ meta maħsub li jibda jingħata l-vaċċin kontra il-Covid.

Maria Deguara qalet li l-UE ammettiet li la darba jasal l-vaċċin, dan ħa jitqassam proporzjonalment fil-pajjizi tal-Ewropa pro rata mal-popolazjoni speċifikata ta’ dak il-pajjiż. Għall-popolazzjoni Maltija hawn bżonn madwar miljun doża. Ikun għaqli li minn issa l-awtoritajiet jibdew kampanja edukattiva biex kulħadd jieħu l-vaċċin.

Il-Prim Ministru qal ukoll li ma jaqbilx miegħi meta għidt li l-wasla tal-vaċċin mhix se tkun is-soluzzjoni finali; ma ndunax li jien irrepetejt eżattament dak li qalu kemm-il darba sew il-Ministru tas-Saħħa kif ukoll is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika, sostniet Maria Deguara.

Il-wasla tal-vaċċin tal-COVID ma tfissirx li rbaħna lill-virus għax kif ġara fl-ewwel mewġa, meta ħsiebna li erbaħna lil-virus u l-laxkajna il-miżuri, erġajna morna agħar minn kif konna fil-bidu.

Għad baqa ħafna x’nagħmlu biex ngħinu l-anzjani tagħna u dawk vulnerabbli jgħelbu l-konsegwenzi u l-effetti fit-tul bħall-problemi mentali li l-COVID 19 ikkawżalhom.

Li jinbena sptar ġdid għall-każijiet akuti u li jkunu pprovduti mediċini ġodda għall-kundizzjonijiet psikjatriċi huma tajbin però dawn mhux se jsolvu l-problemi mentali ikkawżati mil-virus. Jeħtieġ taħriġ lill-ħaddiema u lill-ispeċjalisti f’dan il-qasam, appellat Maria Deguara.