Lokali

“Jien u wliedna memorji biss għandna” – Carmel Pace

Propju disa’ xhur ilu, Miriam Pace, tilfet ħajjitha f’inċident traġiku wara li d-dar tagħha ġġarfet fil-Ħamrun – tragedja li sehhet waqt li kien ghaddej xogħol ta’ kostruzzjoni li kien qiegħed isir biswit din l-istess dar.

Permezz ta’ post fuq Facebook, ir-raġel tagħha Carmel Pace qal li l-ġrajja li għexu huma hi ġrajja tal-biża’ li kull membru tal-familja jixtieq li kienet biss ħolma kerha.

Irrimarka li fit-2 ta’ Marzu, “il-ħallieq ried warda sabiħa oħra fil-ġnien tiegħu”.

Pace sostna li din it-telfa kollha “ġrat b’kapriċċ ta’ ħaddieħor.” Hu rrimarka li “ħaddieħor” sarraf fi flus il-ħajja u s-serenità ta’ familja sħiħa, waqt li “ħaddieħor” qed jittarrax għall-karba biex issir inkjesta pubblika  u waqa’ fil-muta biex jippubblika r-rapport li tlesta f’April. Dan b’referenza ċara għall-Gvern, illi baqa’ jopponi li tiġi appontata inkjesta pubblika indipendenti.

“Kollox jintesa, kollox jgħaddi”, kompla jikteb Carmel Pace. “Billi waqgħet binja u ntilfet ħajja b’daqshekk x’ġara? Għal ħafna xejn… għax ħajjithom ma ntnefsitx, u għadhom jagħnqu l-għeżież tagħhom meta jaslu d dar”.

Pace sostna li hu u wliedu kull ma fadlilhom huma l-memorji …jew li jiċċassaw lejn xi ritratt ta’ Miriam.

Iżda insista li din mhix ħolma. Għadu sal-lum jitkellem magħha kull meta jżur il-qabar tagħha. Sostna li meta jkellimha bħal donnu jistenna xi parir, risposta jew imqar id-daħka tagħha. Madanakollu, ħlief il-ħoss li jtarrax il-ħemda ma jinstemgħax.