Lokali Qorti

Muscat ordnat jidher quddiem il-Bord ta’ Inkjesta fil-każ ta’ Daphne Caruana Galizia

L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ġie msejjaħ biex jidher quddiem il-bord ta’ inkjesta Daphne Caruana Galizia nhar il-Ġimgħa. Is-segretarja tal-bord qalet li l-marixxalli tal-Qorti taw iċ-ċitazzjoni lil missier Joseph Muscat u mhux lilu.

Dan peress li fir-residenza tiegħu kien hemm preżenti missieru. S’issa, il-bord għadu ma ngħata l-ebda konferma li Muscat se jattendi. Sadanittant hekk kif il-bord reġa’ iltaqa’, deheru iċ-Chairman u s-Segretarju tal-Kummissjoni Permanenti kontra l-Korruzzjoni iżda qalu li huma preklużi mil-liġi milli jixhdu.

Is-Segretarju Saviour Attard, li ilu Segretarju tal-Kummissjoni minn Mejju ta’ din is-sena, qal lill-bord li sa tmiem l-2019, il-kummissjoni permanenti kellha 10 każijiet pendenti.

L-Imħallef Lawrence Quintano, li huwa l-president tal-kummissjoni, ikkwota l-liġi li l-membri huma preklużi milli jixhdu u kull ksur jista’ jkollu riperkussjonijiet kriminali.

L-avukat tal-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, Therese Comodini Cachia, staqsiet jekk ir-rapporti tal-kummissjoni kinux ippubblikati b’xi mod imma ż-żewġ rappreżentanti ma kinux jafu.

Qalet li skont il-liġi li tirregola l-kummissjoni, kull rapport jingħata lill-Ministru tal-Ġustizzja. Jekk tinstab korruzzjoni, ir-rapport għandu jintbagħat ukoll lill-Avukat Ġenerali.

Ma tgħidx il-liġi li jekk ir-rapporti jew ir-rapport annwali humiex dokumenti pubbliċi jew sigrieti. Hija qalet lill-bord li ma kinitx wara dettalji tal-każijiet li l-kummissjoni investigat jew ismijiet ta’ xi nies li investigat iżda kif kienet qed topera l-kummissjoni u l-konklużjonijiet tal-investigazzjonijiet tagħha.

Is-seduta ġiet aġġornata wara li l-bord talab biex il-Ministru għall-Ġustizzja Edward Zammit Lewis jiġi msejjaħ biex iwieġeb dwar ix-xogħol tal-kummissjoni permanenti u r-rapporti li rċieva.

Il-ġimgħa d-dieħla, il-bord nhar it-Tnejn se jisma’ lill-kap eżekuttiv tal-Programm Investitur Individwali Jonathan Cardona u l-editur kap tat-Times of Malta Herman Grech, nhar l-Erbgħa s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar u Edward Zammit Lewis, u nhar il-Ġimgħa l-Awditur Ġenerali Charles Deguara.