Lokali

Karattri tal-fantasija jingħataw il-ħajja f’drive-through

Matul dan iż-żmien xejn pjaċevoli tal-pandemija, għadd ta’ kumpaniji ddeċiedew li jtellgħu Christmas Illuminated Village Drive Through b’attrazzjoni għall-familja kollha… bl-għan ewlieni jkun li joffru mument maġiku u jferrħu lin-nies!

Din l-inizjattiva hi l-ewwel tat-tip tagħha, fejn matul trakka li ttellgħet, wieħed jista’ jara strutturi b’karattri tal-fantasija, fosthom Lion King u Christmas Father li ngħataw il-ħajja permezz tad-dawl.

Rueben Caruana, wieħed mill-organizzaturi jispjegalna l-iskop ta’ din l-inizjattiva.

“It-tema ta’ dawl tirrapreżenta l-fatt li dejjem hemm xaqq ta’ dawl li qed nippreżentawh hawnhekk f’din l-attività,” qal Rueben Caruana.

Inizjattiva li kienet tirrikjedi ħafna xogħol u preparazzjoni.

“Iltqajna erba’ kumpaniji li nispeċjalizzaw fl-avvenimenti u flimkien ħriġna b’din l-idea ta’ strutturi bid-dawl,” kompla Caruana.

Oriġinarjament, din l-attività kienet se ssir fi ġnien fejn permezz tal-pass wieħed ikun jista’ igawdi dawn id-dekorazzjonijiet. Iżda fid-dawl tal-protokolli u miżuri maħruġa mill-Awtorità tas-Saħħa relatati mal-COVID-19, ittieħdet id-deċiżjoni li ssir f’forma ta’ drive through għas-sigurtà tal-pubbliku.

L-inizjattiva ser issir bejn l-4 ta’ Diċembru u l-10 ta’ Jannar b’parti mill-flus se jmorru b’risq il-Malta Community Chestfund Foundation.

Ritratti: Matthew Tabone