Lokali Qorti

Mhux ħatja li weġġgħu erba’ bouncers 10 snin ilu f’bar fil-Qawra

Żewġ klijenti ta’ post tad-divertiment ma nstabux ħatja li ikkomettew ġrieħa fuq erba’ bouncers 10 snin ilu. Huma ma nstabux ħatja li weġġgħu wieħed serjament u tliet oħra ħafif meta faqqgħet ġlieda bejnhom u l-bouncers f’bar fil-Qawra f’Ġunju tal-2010 li għadda eskalat, u ħalliet wieħed mill-bouncers bi ġrieħi gravi, u tlieta oħra bi ġrieħi ħfief.

Johan Dimech ta’ 39 sena minn Birkirkara u Carmel Ciappara ta’ 61 sena min-Naxxar ma nsabux ħatha li weġġgħu gravi lil Michael Sammut, u li weġġgħu ħafif lil Joseph Attard, Godwin Schembri u Carmelo Borda, bouncers fil-Fuego Bar. Dan l-inċident seħħ bejn it-3.00am u l-5.00am.

Il-Qorti qalet li mhemmx provi biżżejjed sal-grad rikjest mill-liġi biex l-irġiel jinstabu ħatja. Fost oħrajn il-filmati tas-CCTV li nġiebu bħala prova mhuma ċari xejn u lanqas kif seħħew l-inċidenti ma jimplika b’xi mod li kienu magħmlula minn Dimech u Ciappara.

Skond l-evidenza mogħtija fil-Qorti, il-bouncers avviċinaw raġel, Jimmy Muscat, li ma kienx jidher f’sensih u talbuh biex joqgħod kwiet. Wara dan qamet tilwima, għax huwa emmen li ma kienx qed ikun ta’ inkonvenjent. Kien f’dan il-mument li żewġ ħbieb tiegħu, Dimech u Ciappara, intervjenew u skattat ġlieda.

L-inċident, li seħħ fis-sigħat bikrin tat-12 ta’ Ġunju 2010, irriżulta li Sammut sofra ġrieħi gravi meta kiser saqajh, wara li ntlaqat bis-siġġu li kien hemm fil-bar. Ħareġ ukoll li pepper spray intuża waqt il-ġlieda. Dwar dan il-Qorti qalet li lanqas il-bott tal-pepper spray ma nstab fil-post.  L-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo dehru għall-akkużati.