Lokali Qorti

Miċħuda talba oħra għal libertà proviżorja ta’ Yorgen Fenech hekk kif kompla l-kontro-eżami tal-esperti tal-Europol

Il-Qorti ċaħdet talba oħra biex Yorgen Fenech jingħata l-libertà proviżorja ta’ Yorgen Fenech hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni fil-konfront tiegħu quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello.

F’maratona ta’ sitt sigħat tkompla l-kontro-eżami minn naħa tad-difiża fil-konfront taż żewġ esperti tal-Europol, Konstantinos Petrou u Giuseppe Totaro dwar apparat u dejta’s li kienu jappartjenu lil Fenech.

Fuq il-każ tal-libertà proviżorja l-avukati tad-difiża, Charles Mercieca, Gianluca Caruana Curran u Marion Camilleri  staqsew lill-Qorti dwar l-aħħar talba riċenti tagħhom biex Fenech joħroġ fuq pleġġ, fejn huma kienu nfurmati li kien se jingħata digriet dwar dan.

Jidher li kien hemm problema bis-sistema tan-notifika tal-Qorti li fisser li l-partijiet ma ġewx notifikati. Ma’ tmiem il-kumpilazzjoni l-Qorti nfurmat lid-difiża li t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Fenech ġiet miċħuda.

Sadanittant fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra Fenech li allegatament kien ippjana l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, kompliet bix-xhieda twila tal-esperti mill-Europol.

Matul is-seduta komplew il-mistoqsijiet dwar dejta estratta minn telefowns ċellulari, laptops, SIM cards u apparat ieħor u dwar min kellu aċċess għal din id-dejta, bit-tweġiba tkun li kienu erba’ minn nies u li tnejn mhumiex Malta.

Żewġ uffiċjali tal-Europol ġew kontro-eżaminati mit-tim tad-difiża ta’ Yorgen Fenech f’seduta li ffokat fuq miżuri proċedurali adottati mill-esperti barranin fl-estrazzjoni tad-dejta minn apparat elettroniku.

Il-kontro-eżami seħħ jumejn wara li l-esperti tal-Europol issottomettew fil-Qorti hard drives li fihom erba’ terabytes ta’ dejta estratta minn diversi apparati elettroniċi kkonfiskati mill-Pulizija f’Novembru 2019.

L-evidenza kontra Fenech primarjament tistrieħ fuq ix-xhieda ta’ Melvin Theuma, l-intermedjarju fil-qtil. Theuma, li kien irrekordja bil-moħbi diversi konversazzjonijiet bejnu, Fenech u oħrajn, ingħata maħfra presidenzjali biex jgħid is-sena l-oħra kollha.

Il-Maġistrat Rachel Montebello li qed tisma’ l-kumpilazzjoni tal-provi kontra Fenech qalet li l-każ se jkompli jinstema’ fit-12 ta’ Jannar 2021.   Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Kurt Zahra, assistit mill-Avukat Ġenerali.

L-avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru parte civile għall-familja Caruana Galizia.