Lokali Qorti

Mixli li kellu tliet kilos ħaxixa moħbija fi xkora

Raġel ta’ 46 sena mill-Marsa ġie mixli quddiem il-Maġistrat Josette Demicoli li nhar nhar it-Tnejn li għadda nqabad bi tliet kilos droga kannabis fiċ-Ċirkewwa. Dennis Zammit ġie mixli li kellu l-ħaxixa moħbija fi xkora tal-għalf waqt li kien nieżel mill-vapur tal-Gozo Channel fiċ-Ċirkewwa.

Huwa ġie mixli li d-droga nstabet f’ċirkostanzi li ma kinitix għal użu personali tiegħu u li kiser kundizzjonijiet importi fuqu mill-Qorti, u li sar riċediv.

L-Avukati Mario Mifsud u Christian Camilleri m’għamlux talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużat f’dan l-istadju u għalhekk huwa ttieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Steven-Ryan Micallef li għamel talba lill-Qorti biex jiġu ffriżati l-assi ta’ Zammit, liema talba kienet milqugħa mill-Maġistrat Demicoli.