Lokali

Patt soċjali ġdid ta’ kif inħarsu lejn il-ħolqa ta’ bejn min iħaddem u l-ħaddiem

“B’hekk biss jistgħu jerġgħu jsibu posthom fiċ-ċentru tal-politika tagħna biex verament nikbru u nissaħħu flimkien” – Il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech

“Min iħaddem irid jagħraf kemm hija importanti r-riżorsa umana tal-ħaddiema tiegħu, għaliex flimkien mal-ħaddiema huma joħolqu ħolqa fundamentali fl-ekonomija ta’ pajjiżna”. Dan qalu l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa li kellu llum mal-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem (MEA).

Bernard Grech qal li l-pajjiż irid ikun pro-attiv fil-qasam tax-xogħol fejn ikollna ekonomija li tkun mibnija fuq soċjeta’ li hija ġusta, fejn il-ħaddiem jaqla’ l-paga li jixraqlu għal-ħin raġjonevoli li jaħdem u fejn l-imprenditur jagħmel il-qliegħ dovut lilu b’mod ekwu għar-riskju li jkun ħa. B’hekk biss jista’ jkollna soċjeta’ li tindirizza l-faqar u li jkollha l-ħila li tagħder u twieżen lil min hu l-iktar dgħajjef.

“Għalhekk jien se nkun qiegħed nenfasizza u nagħmel bħala għan ewlieni tal-viżjoni tagħna l-iffurmar ta’ Patt Soċjali Ġdid li jabbraċċa mudelli innovattivi ta’ kif inħarsu lejn il-ħolqa fundamentali ta’ bejn min iħaddem u l-ħaddiem sabiex jerġgħu jsibu posthom fiċ-ċentru tal-politika tagħna biex verament nikbru u nissaħħu flimkien,” qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech, u għamel referenza wkoll għall-istudju li sar mill-MEA dwar it-teleworking li juri li 25% biss tal-impjiegi jippermettu t-teleworking u qal li wasal iż-żmien li jinħolqu aktar inċentivi u direttivi li joffru din l-għażla lill-ħaddiema anke sabiex aktar persuni jitħajru jibqgħu fid-dinja tax-xogħol.

Il-Viċi President tal-MEA Arthur Muscat qal li l-Assoċjazzjoni dejjem lesta għad-djalogu speċjalment mal-Oppożizzjoni, għax l-Oppożizzjoni hi fil-fatt il-gvern alternattiv. Tkellem dwar il-pandemija tal-COVID-19 u saħaq li l-pjan ‘il quddiem huwa li terġa’ tingħata l-ħajja mill-ġdid lis-settur privat, għaliex dan is-settur huwa l-ħajja tal-pajjiż.

Preżenti għal din il-laqgħa mal-MEA kien hemm ukoll il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Edukazzjoni u t-Tiġdid tad-Dinja tax-Xogħol u d-Djalogu Soċjali Parteċipattiv Clyde Puli u l-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Investiment Ekonomiku u Negozji Żgħar, s-Servizzi Finanzjarji u l-Aċċessibbiltà għall-Fondi u Budget Ewropej Kristy Debono.