Internazzjonali

Stati Uniti: Trump akkużat b’li qed ‘jinċita l-vjolenza bl-akkużi infondati’

Uffiċjal elettorali ewlieni fl-Istat ta’ Georgia qal li l-President Amerikan Donald Trump għandu jġorr responsabbiltà għal kwalunkwe vjolenza li tista’ tirriżulta mill-akkużi infondati li hu qed jagħmel rigward allegati frodi waqt l-elezzjoni tax-xahar li għadda għall-Presidenza tal-Istati Uniti.

Il-kandidat tal-Partit Demokratiku, Joe Biden, qed iħejji biex jieħu r-riedni tal-pajjiż ladarba, fl-20 ta’ Jannar,  jieħu l-ġurament bħala s-46 President tal-Istati Uniti – u meta kollox qed jindika li hu spiċċa ‘rebbieħ mistħoqq’ fl-elezzjoni.

Intant, l-uffiċjal Gabriel Sterling qed jallega dwar sitwazzjonijiet fejn ħaddiema mal-proċess elettorali sfaw suġġetti għal intimidazzjoni u anki theddida kontra ħajjithom. Hu qal li ‘iż-żejjed hu kollu żejjed u li (l-intimidazzjoni) għandha tieqaf minnufih’.

L-Istat ta’ Georgia, fl-aħħar sigħat, kien għaddej b’tieni recount tal-voti fuq it-talba tal-uffiċali mal-kampanja ta’ Donald Trump. Dan meta Biden kien iddikjarat rebbieħ tal-vot f’dan l-Istat  importanti.

Tim Murtaugh, il-kelliem għall-kampanja ta’ Trump, qal li qed isir minn kollox biex jaċċertaw ‘li jingħaddu l-voti legali kollha u mhux il-voti li ntefgħu b’mod illegali’.

Murtaugh kompla li ħadd ma għandu juża t-theddid jew vjolenza fiċ-ċirkustanzi ‘u f’każ li dan seħħ tassew, hu u l-attivisti kollha fil-kamp tar-Repubblikani, mhumiex se jżommu lura milli jikkundannaw l-aġir mingħajr riservi’.