Futbol Sport

Valletta jaħtru lil Gilbert Agius bħala kowċ interim

Wara laqgħa tal-kumitat tal-klabb ta’ Valletta li saret ilbieraħ filgħaxija, kien deċiż li Gilbert Agius ikun maħtur bħala kowċ interima wara r-riżenja ta’ Jesmond Zerafa. Din l-aħbar kienet ikkonfermata fuq il-midja soċjali ta’ Valletta bl-istess klabb jirringrazzja lil Jesmond Zerafa tas-servizz tiegħu lejn it-tim.

Zerafa ħabbar li se jirriżenja minn kowċ ta’ Valletta nhar il-Ħadd filgħaxija f’kollegament telefoniku waqt il-programm Replay ftit wara t-telfa ta’ 3-1 kontra Tarxien Rainbows.

Għal Agius din mhux se tkun l-ewwel esperjenza tiegħu bħala kowċ ta’ Valletta, wara li żewġ staġuni ilu kien fit-tmexxija tat-tim fejn dakinhar kien wassal lil Valletta għar-rebħ tal-kampjonat wara decider kontra Hibernians.

Agius huwa ikona għat-tim ta’ Valletta fejn magħhom lagħab qrib il-500 partita bejn l-1990 u l-2012 fejn skorja 183 gowl. L-ewwel partita ta’ Agius bħala kowċ ta’ Valletta se tkun fid-derby kontra Floriana nhar il-Ħadd.