Lokali Qorti

Wara li appellat, Marlene Mizzi terġa’ titlef libell kontra David Casa

Il-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Lawrence Mintoff ikkonfermat sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati u tagħat raġun lill-MEP Nazzjonalista David Casa fil-konfront tal-eks MEP Laburista Marlene Mizzi li kienet għamlet libell fil-konfront tiegħu.

Il-proċeduri kienu ġew istitwiti wara kummenti ta’ Casa lill-Malta Today fejn qal li l-MPE tal-Parti Laburista kienet qed tikri uffiċini mingħand bintha “mingħajr ma jsir ħlas” u li dan bilfors timplika li dawn il-fondi ttieħdu biex jidħlu f’butha”.

Meta xehdet fil-qorti, is-Sinjura Mizzi kienet spjegat kif kienet ġiet offruta l-post, proprjetà ta’ bintha, fi Triq l-Istrett, il-Belt, biex jintuża bħala uffiċċju. “Jien persuna ta’ integrità. Ħadd qatt ma pponta subgħajh lejja, ”kienet qalet l-MEP.

Il-Qorti qalet li hija tqis li fin-nuqqas ta’ prova li Mizzi ħallset lura lill-Parlament Ewropew il-flus mhux minfuqa minnha mill-‘general expense allowance’ u fin-nuqqas ta’ prova li flus mill-imsemmija allowance intefqu kollha fi spejjeż amministrattivi, wieħed seta’ jikkonkludi li dak li ma ġiex
minfuq minnha mill-imsemmija allowance ġie ‘pocketed’ minnha.

Dak li stqarr David Casa, fejn qal li kien hemm ‘pocketing’ ta’ fondi, ma
jistax jitqies li huwa malafamanti għaliex min-naħa tagħha Marlene Mizzi
m’għamlet xejn u ma ġabet l-ebda prova biex turi li l-konklużjoni milħuqa minn Casa , mhijiex il-verità.

Wieħed ma jridx jinsa li l-qofol ta’ din il-kwistjoni kollha kien l-użu ta’ fondi pubbliċi mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-MEPs u n-nuqqas ta’ trasparenza fl-infiq ta’ dawn il-fondi.

L-Imħallef Mintoff qal li x’aktarx li l-konklużjoni tal-Qorti kienet tkun
differenti li kieku l-appellanta ġabet prova permezz ta’ irċevuti jew ‘audited
accounts’ li jikkonfermaw li hija kienet tonfoq il-‘general expense allowance’ kollha fi spejjeż amministrattivi eċċ u li kienet tħallas lura lill-Parlament Ewropew il-flus mhux minfuqa.

Fin-nuqqas ta’ tali prova, l-Qorti tqis li dak li ntqal David Casa, ma
jammontax għal malafama fil-konfront ta’ Mizzi u jista’ jitqies bħala ‘fair
comment’ fuq materja ta’ interess pubbliku.

Waqt il-proċeduri fil-Qorti tal-Maġistrati, kien ħareġ li Casa ħass li l-kummenti li kien ta hu lill-ġurnal ma ġewx irrappurtati eżatt kif kien qalhom. Il-Qorti kienet innutat ukoll li fit-tweġiba tiegħu, Casa ma semmhiex lil Mizzi b’isimha.

Il-Qorti qalet li l-ex MPE Laburista kienet figura politika u l-kumment li għamel Casa kien kritika imposta kontra persuna pubblika fl-ambitu tad-dibattitu politiku dwar il-ħtieġa ta ’trasparenza fl-użu tal-fondi pubbliċi.

Il-Qorti tal-Appell kif għamlet l-ewwel Qorti ċaħdet it-talba ta’ Marlene Mizzi, u ddikjarat li l-kummenti ta’ David Casa ma kinux “malizzjużi” iżda kienu “espressjoni ta’ opinjoni dwar kwistjoni ta’ interess pubbliku”. L-Avukat Jason Azzopardi deher Casa filwaqt li l-avukati Edward Gatt u Mark Vassallo assistew lil Mizzi.