Lokali

Abela jibqa’ jiddefendi lil Ian Borg

Il-Prim Ministru Robert Abela qed jinħeba wara s-sistema tal-Qrati biex jiddefendi lill-Ministru Ian Borg, li hu qrib ħafna ta’ Abela, tant li żammu bħala Super Minister fil-Kabinett tiegħu.

Ftit tal-jiem ilu, il-Qorti qalet li x-xhieda tal-Ministru Borg f’każ ta’ libell ma kinitx kredibbli. Bid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti rat li żewġ persuni ħadu vantaġġ minn persuna vulnerabbli f’biċċa negozju li wasslet biex il-Ministru jieħu medda kbira ta’ art biex jagħmel pool għall-prezz baxx ta’ €11,000.

Iżda biċ-ċanfira tal-Qorti taqta’ daqs giljottina fuq ras il-Ministru Ian Borg, il-Prim Ministru qed jgħid biss li se jibqa’ jistenna sakemm jgħaddi l-perjodu tal-appell qabel ma jieħu pożizzjoni dwar il-futur politiku ta’ Ian Borg.

Dawn l-istejjer ma tantx jidhru li qed iħallu lil Abela u l-Uffiċjali ta’ Kastilja komdi. Tant hu hekk, li tliet Uffiċjali dawruna u ppruvaw iwaqqfuna milli nistaqsu, filwaqt li ieħor iffilmja l-intervista bil-mobile.

U dan minkejja li l-crew tagħna ra li tinżamm id-distanza skont ir-regolamenti b’rabta mal-Coronavirus, bl-Uffiċjali ta’ Kastilja jinjoraw għalkollox l-istess regolamenti.

Iżda dan ma waqqafniex milli nkomplu nistaqsu lill-Prim Ministru, speċjalment dwar il-fatt li ċ-ċanfira tal-Qorti li x-xhieda tal-Ministru Ian Borg mhix kredibbli tibqa’ tgħodd sakemm il-Qorti tal-Appell ma tiddeċiedix mod ieħor.

Iżda anke hawn, Abela kompla jiddefendi lill-Ministru Ian Borg billi jgħid li anke dan – bħala terza persuna fil-każ – jista’ jappella minn dak li qalet il-Qorti. U bil-kantaliena – għal darba, tnejn, tlieta – li se jistenna l-proċess tal-appell, il-Prim Ministru jaħrab milli jgħid jekk hux se jara li tintrefa’ responsabbiltà politika għal għemil dan il-Ministru qrib tiegħu.

Sadanittant, NET News għamel dawn il-mistoqsijiet lill-Prim Ministru wara żjara li għamel fl-Isptar Mater Dei. Madankollu, biex Abela jevita lill-ġurnalisti, l-ebda media ma kienet mistidena.

Agħfas hawn biex tara t-tweġibiet tal-Prim Ministru.