Lokali

BIL-FILMAT: Stqarrija xokkanti dwar il-ġurnalisti mid-Direttur tal-Ħabs

Taparsi apoloġija wara r-reazzjoni qawwija li kien hemm mill-Kap tal-PN Bernard Grech

Skont il-persuna li qed imexxi l-ħabs ta’ pajjiżna bħalissa, l-agħar ħaġa li tista’ tiġri lil ġurnalist hu li jaqa’ minn fuq il-bankina, jew li jieħu xokk mill-kompjuter.

Il-Kurunell Alexander Dalli, Direttur tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kien qed iwiegeb domandi tal-ġurnalist Mark Laurence Zammit, bil-ġurnalista jirribatti minnufih il-kliem disprejġġjattivi u neqsin mir-rispett li lissen Dalli fil-konfront ta’ dawk kollha li jaħdmu fil-ġurnalizmu.

Din l-istqarrija li għamel Alex Dalli qanqlet ħafna reazzjonijiet, fosthom dik tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech li fuq Facebook qal li l-arroganza ta’ Dalli wasslitu biex jagħmel din id-dikjarazzjoni xokkanti meta pajjiżna għadu taħt xokk bl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Grech qal li l-Prim Ministru għandu minnufih jiddiżassoċja ruħu mid-Direttur tal-Ħabs. Hu qal li jekk ma jagħmilx dan  Robert Abela jkun kompliċi f’din id-dikjarazzjoni irresponsabbli u fl-aġir totalitarju tiegħu.

Fl-istess post, il-Kap tal-PN esprima solidarjetà mal-ġurnalisti li jiffaċċjaw perikli ta’ kuljum fit-twettiq ta’ dmirijiethom, kif ukoll solidarjetà mal-gwardjani u l-ħaddiema tal-ħabs li jiffaċċjaw perikli regolari fit-twettiq ta’ xogħolhom.

Intant, wara din l-istqarrija ta’ Bernard Grech, Dalli ħareġ dikjarazzjoni fejn qal li waqt l-intervista “stajt għamilt analoġija li jaf tkun interpretata bħala xi nuqqas ta’ rispett lejn ix-xogħol u r-riskji li jiffaċjaw il-ġurnalisti“.

Hu skuza ruħu ta’ dak li qal.