Internazzjonali

COVID-19: L-infezzjonijiet u l-ammonti ta’ pazjenti li ddaħħlu l-isptar qed iwaqqfu rekords ġodda fl-Istati Uniti

Il-kriżi tal-coronavirus fl-Istati Uniti ma tidhirx li qed tbatti, fost il-konferma li l-infezzjonijiet bil-virus qegħdin jilħqu dejjem ir-rekords ġodda f’dan il-pajjiż – l-istess bħas-sitwazzjonijiet fejn il-morda qed ikollhom jiddaħħlu l-isptar b’urġenza.

Is-sitwazzjoni fil-pajjiż tant hi gravi li l-esperti mediċi qed jaqblu li r-rata allarmanti tal-infezzjonijiet mgħandhiex tbatti fil-jiem ta’ qabel il-Milied – bl-ammont ta’ pazjenti (morda bil-Covid) fl-isptar issa jaqbżu l-100,000 għall-ewwel darba. Iċ-ċifra inkwistjoni, fil-fatt, irduppjat fuq in-numru tal-pazjenti reġistrati waqt l-ewwel jiem ta’ Novembru.

Il-każi ġodda tal-coronavirus fl-Istati Uniti żdiedu b’rekord ta’ 195,659 għal ġurnata waħda ( l-Erbgħa) – bl-ammont ta’ vittmi (2,733) fuq perjodu ta’ 24 siegħa ikun qrib ta’ rekord ieħor għal jum speċifiku.

L-ispinta fil-każi tal-coronavirus wasslet, fost oħrajn, biex l-awtoritajiet fil-belt ta’ Los Angeles (f’Kalifornja) jordnaw lir-residenti biex ma joħorġux mid-dar.

Skont l-informazzjoni mill-Covid Tracking Project, l-infezzjonijiet bil-Covid-19 madwar l-Istati Uniti fl-aħħar sigħat kienu viċin l-14-il miljun – b’aktar minn 264,000 mewta sussegwenti.

Il-morda – u l-vittmi – fl-Istati Uniti komplew jiżdiedu b’rati inkwetanti fl-aħħar ġimgħat u fejn kienu rappurtati mal-miljun infezzjonijiet ġodda fil-ġimgħa matul ix-xahar ta’ Novembru ( u li hu ekwivalenti għal 99 każ f’kull minuta).

Sadanittant, l-awtoritajiet fl-Istati Uniti wissew li s-sistema għall-kura tas-saħħa nazzjonali qed tiffaċċja ‘piż u pressjoni bla preċedent’ għal matul ix-xitwa.

Robert Redfield, id-Direttur tas-Centers for Disease Control and Prevention (CDC) qal li ‘l-Amerikani qed jiffaċċjaw realtà fejn ix-xhur ta’ Diċembru, Jannar u Frar se jkunu l-aktar żmien diffiċli għas-saħħa pubblika fiż-żmien kollu li ilu jeżisti s-settur għall-kura tan-nies’.

Fl-istess ħin, Kalifornja, Texas u Florida – l-aktar Stati Amerikani li għandhom popolazzjoni kbira – huma fost l-agħar zoni affettwati mill-Covid-19 fil-pajjiż. Dan meta kull Stat Amerikan irreġistra ‘il fuq minn miljun każ kull wieħed.