Lokali Qorti

Disa’ xhur ħabs wara li sawwat lit-tfajla tiegħu għax ried jibqa’ Paceville

Lydon Gravina ta’ 31 sena mill-Floriana ġie kundannat disa’ xhur ħabs wara li nstab ħati mill-Maġistrat Nadine Lia li fil-lejl ta’ bejn l-4 u l-5 ta’ Marzu tal-2017 sawwat lit-tfajla tiegħu u kkaġunalha ġrieħi gravi fir-residenza tagħhom San Pawl il-Baħar.

Il-koppja għandha żewġ t’itfal żgħar u kienet ilha flimkien għal tmien snin. Gravina, li għandu wkoll problema ta’ droga nstab ħati li ta daqqiet ta’ ponn lit-tfajla sal-punt li ċaqalqielha sniena u li kellu jsir intervent fuqha minħabba l-gravità tal-feriti li ġarrbet.

Il-każ seħħ wara li l-koppja kienet marret Paceville u f’ħin minnhom it-tfajla xtaqet tmur Buġibba, bi Gravina ma jaqbilx ma’ din l-idea, jispiċċa jagħmel in-nervi u wara li marru d-dar inqala’ l-inċident ikraħ.

Fil-Qorti t-tfajla tiegħu qalet li flimkien hi u Lydon Gravina għandhom żewġt itfal, wieħed ta’ sitt snin u ieħor ta’ sena Qalet li dak inhar iddeċidew li joħorġu.

Wara li ħadu lit-tfal għand missierha għall-ħabta tal-10.00pm. marru Paceville. Meta waslu marru f’żewġ stabbilimenti u ħadu xi drinks. Ftit tal-ħin wsara izda hi xtaqet titlaq minn Paceville biex tmur Buġibba.

Skont it-tfajla, Gravina għamel in-nervi tant li fil-karozza ma kellimhiex u ankè meta waslu d-dar baqa’ bin-nervi. Eventwalment, hija daħlet fis-sodda waqt li hu kien għadu fil-kamra tal-banju. Hekk kif wasal fil-kamra tas-sodda qalilha li kien bi ħsiebu jorqod fil-kamra fejn hemm it-tfal.

Hi weġbitu li jekk ried seta’ jmur. F’daqqa waħda rega’ beda jirrabja u jidgħi u tela’ fuqha u beda jagħtiha bil-ponn fuq wiċċha. Hekk kif hija pruvat tqum, reġa’ mbuttaha u beda jżommilha ħalqha sabiex iwaqqafha milli tgħajjat u ankè prova jkaxkarha. Skont it-tfajla dak il-hin indunat li halqha kien mimli demm.

Kif ra d-demm Gravina biddel l-atteġġjament tiegħu u beda jiskuża ruħu. Wara ftit niżlu z-zija u persuni li jiġu minnu li joqgħodu fl-istess binja t’appartamenti.

L-Ispettur Nicholas Vella li mexxa l-Prosekuzzjoni qal li meta l-Pulizija marru fuq il-post sabu lit-tfajla bi ġrieħi f’wiċċha u jdejha. Omm il-vittma ħaditha fiċ-Ċentru tas-saħħa tal-Mosta u wara l-Isptar.

Konsegwenza tad-daqqiet li sofriet kienu iċċaqalqulha xi snien li kienu jirrikjedu intervent kirurġiku sabiex jigu issodati. Il-tfajla qalet li l-għarus tagħha kien jaġixxi bl-ikrah meta jirrabja.

Il-Konsulent Clarence Pace qal li meta eżaminaha kellha nefħa f’wiċċha u kienet tidher li qed issofri minn ugiegh tant li bil-kemm setghet tiftaħ ħalqha. Mill-eżamijiet li għamel ix-xhud irriżulta li kien hemm ksur fil-‘mandible’ tant li s-snien ma kienux qed jillivellaw.

Huwa għamlilha ‘bridle wire’ temporanju sakemm imbagħad sar l-intervent. Xehed ukoll it-tabib Dr Joseph Saliba miċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta. Qal li fil-5 ta’ Marzu 2017 huwa kien eżamina lit-tfajla li kienet qed tilmenta minn uġiegħ kbir f’ħalqha.

Kienet viżibbli ukoll qasma superfiżjali fil-ħanek t’isfel tax-xellug. Il-pazjenta kienet ġiet riferuta l-Isptar għall-aktar kura. Il-Kuntistabbli Mark Grech, stazzjonat fl-għassa tal-Qawra u qal li għall-ħabta ta’ nofs il-lejl flimkien mas-Surġent Brendon Gauci kien mar f’residenza, San Pawl il-Baħar fuq rapport.

Fuq il-post ra tfajla, li kienet qed iżżomm ħalqha b’ċarruta mċappsa bid-demm u tibki bl-uġiegh. Kienu viżibbli ukoll xi ġriehi fuq idejha. Ix-xhud stqarr li aktar tard dak il-lejl, l-imputat mar l-għassa tal-Qawra minn jeddu fejn ġie arrestat. Mill-istqarrija tiegħu Gravina għaraf li dak li kien ġara kien ħażin ħafna.

Il-Qorti fliet ukoll il-kondotta xejn feliċi ta’ l-imputat li fiha jirriżultaw reati relatati mad-droga u serq. Madankollu mill-istess kondotta ma jirriżultax li qatt instab ħati ta’ reati relatati ma ġrieħi gravi jew reati ohra li jinvolvu lit-tfajla tiegħu.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti qieset is-‘social inquiry report’ mħejji mill- uffiċjal tal-probation Mary Rose Farrugia li jitfa dawl fuq it-trobbija u l-ħajja ta’ l-imputat.

Jirriżulta wkoll li kien jabbuża mid-droga eroina u kokaina, u li hu qatt ma attenda appuntament sabiex isirlu eżami biex jiġi stabbilit jekk hux qiegħed jabbuża mad-droga.

Filwaqt li dan ir-rapport jitfa dawl fuq il-persuna ta’ l-imputat u li fih hemm reġistrat li l-imputat wera rimors għal dak li ġara ma jistax jingħad li hemm xi ġustifikazzjoni tal-aġir tiegħu.

Bid-daqqiet sostanzjali li ta lill-vittma, fejn kisrilha ħalqha f’diversi postijiet u kkaġunalha ġriehi gravi li kienu jitolbu diversi interventi kiruġiċi u fil-mument ta’ l-inċident ħalliha waħdiha f’dik is-sitwazzjoni ta’ vunerabilità, u bżonn u ta’ għajnuna.

Il-Qorti qalet li Gravina huwa missier it-tfal tal-vittma u ma jistax ma jiġix osservat kemm dan l-aġir huwa ta’ ħsara u ta’ eżempju ħażin fuq it-tfal tiegħu dwar kif ġiet trattata ommhom minn missierhom, iktar u iktar fuq kwistjoni minima.

Il-Qorti qegħdet lill-ħati taħt ordni ta’ trattament, għall-perjodu ta’ tliet snin u biex huwa jkompli jingħata kull kura neċessarja sabiex jindirizza l-vizzju tad-droga li għandu. Ordnat ukoll li jingħata assistenza ta’ ‘anger management’ sabiex jinidirizza u jikkontrolla r-rabja tiegħu.

Ordnat ukoll biex ikompli jiġi ssorveljat minn uffiċjal tal-Probation u Parole għall-perjodu ta’ tliet snin u li ghandu jikkoordina mad-Direttur tal-Habs sabiex waqt li jkun qiegħed jiskonta il-piena ikompli bit-trattament meħtieg b’mod immedjat.

Il-Qorti ħarġet ukoll ordni ta’ protezzjoni kontra l-hati u favur il-vittma għall perjodu ta’ tliet snin bl-iskop li tipprovdi ghas-sigurtà u għall-protezzjoni tagħhaz u dan billi tipprojbixxi lil Gravina milli javviċinha u jikkuntattja, bl-unika eċċezzjoni tkun biss dwar it-tfal taghhom.