Mara ttieħdet l-isptar Mater Dei b’ambulanza għal aktar kura wara inċident fit-telgħa tax-Xemxija li fih, vettura tat-tip Mitsubishi baqgħet dieħla fi 3 vetturi pparkjati qabel inqelbet.
Fuq il-post tal-inċident, li seħħ għall-ħabta tat-8.30pm, issejjħu l-pulizija tad-distrett flimkien ma’ tim mediku kif ukoll membri tal-protezzjoni ċivili biex jassistu, bil-kundizzjoni tal-mara għadha mhijiex magħrufa.
It-telgħa tax-Xemxija kienet ilha tibki biex tiġi rranġata, b’Infrastructure Malta tispiċċa kellha ċċedi għall-pressjoni tal-Partit Nazzjonalista, kif ukoll ta’ bosta residenti Ġawhrin u Melleħin li ta’ kuljum jgħaddu minn din it-triq bi skumdità kbira, hekk kif il-Ħamis stess ħabbret li l-Ġimgħa se tibda xogħlijiet urġenti ta’ malajr fuq it-triq.

Dan wara li ftit sigħat qabel dan l-inċident, seħħ inċident ieħor li kien jinvolvi numru ta’ karozzi minħabba krejter kbir li hemm fit-triq.
