Lokali Qorti

Il-Libjan miġjub mill-Marokk jinżamm arrestat wara li ġie mixli bil-qtil ta’ anzjan

Is-suspettat fil-qtil ta’ Victor McKeon ta’ 62 sena, inżamm taħt arrest preventiv wara li wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih. Samir Almiri, ċittadin Libjan ta’ 38 sena, ġie skortat il-qorti, jumejn wara l-estradizzjoni tiegħu mill-Marokk, wara l-arrest tiegħu f’Casablanca jiem wara li l-katavru tal-vittma ġie skopert fi stadju avvanzat ta’ dekompożizzjoni.

Il-vittma kien instab ġewwa appartament ta’ Santa Luċija fis-17 ta’ Marzu. Megħjun minn interpretu tal-Għarbi, Almiri wieġeb mhux ħati ta’ omiċidju intenzjonat. Huwa mifhum li l-akkużat kien jgħix ukoll mal-vittma.

Il-katavru tal-vittma kien instab fil-kamra tal-banju, imgeżwer f’boroż suwed u bit-tejp u l-identifikazzjoni ġiet ikkonfermata permezz ta’ testijiet tad-DNA.

Ir-riżultati tal-awtopsja kienu kkonfermaw li r-raġel sofra daqqiet f’rasu u kien fgat. Wara l-iskoperta makabra, l-investigaturi kienu stabbilew li s-suspettat ħarab lejn il-Marokk, u b’hekk ħareġ mandat ta’ arrest internazzjonali fir-rigward tiegħu.

Ir-raġel mfittex ġie sussegwentement arrestat f’Casablanca u ġie estradit lejn Malta nhar it-Tlieta. Almiri, li ġie akkużat ukoll li huwa reċidiv, qal li bħalissa m’għandux indirizz fiss f’Malta.

Ma saritx talba għal libertà proviżorja tal-akkużat.. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri, żammet lill-akkużat taħt arrest preventiv. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mis-Supretendent Keith Arnaud u l-Ispettur Wayne Camilleri, assistiti mill-avukati George Camilleri u Karl Muscat mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. L-Avukat Leontine Calleja kienet avukat tal-għajnuna legali għall-akkużat.