Lokali

Il-Maratona Ġbir ta’ Fondi għall-Ħadd li ġej

Għaddejjin l-aħħar preparamenti biex il-Ħadd li ġej, fis-Sala tad-Dar Ċentrali, tittella’ Maratona Ġbir ta’ Fondi b’risq il-ħidma ma taqta’ xejn li qed jagħmel il-Partit Nazzjonalista.

Għal din l-okkażjoni, qed jitħejjew logħob u divertiment li żgur se jogħġbu lill-membri kollha tal-familja waqt ix-xandira li se tibda fis-2pm u tibqa’ għaddejja sal-11pm.

Matul ix-xandira ma jonqsux ukoll għadd kbir ta’ rigali, li se jkunu qed jittellgħu minn ħin għall-ieħor minn fost dawk li jkunu taw xi donazzjoni. Fil-fatt, fid-daħla tal-binja, wieħed se jkun jista’ jagħti d-donazzjoni tiegħu, kif ukoll jittessera jew iġedded it-tessera tiegħu fi stands li se jittellgħu għal tal-apposta.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech żar l-aħħar tħejjijiet, fejn sellem lill-ħaddiema u lill-voluntieri li qed jagħtu ħinhom biex jittella’ l-aqwa prodott għat-telespettaturi ta’ NET Television. Hu appella wkoll lil dawk li jħossu li għandhom ikunu ta’ appoġġ għall-Partit Nazzjonalista f’din il-ħidma tiegħu.

Matul il-Maratona tal-Ħadd ukoll, se tittella’ il-Lotterija PN, li oriġinarjament kellha titla’ ftit tax-xhur ilu. Madankollu, minħabba l-pandemija tal-Coronavirus, din kellha tiġi posposta.

Filwaqt li qed isir l-appell biex dawk li jixtiequ jipparteċipaw, isegwu u jagħtu d-donazzjoni tagħhom minn djarhom jew billi jkellmu lil xi membru tal-Kumitat Sezzjonali fil-lokalità tagħhom, it-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista qed tara li jkunu segwiti r-regolamenti kollha marbuta mal-pandemija tal-Coronavirus fil-każ tal-persuni li l-Ħadd iżuru d-Dar Ċentrali.