Lokali

Il-PN jġedded l-impenn tiegħu favur il-ġlieda għad-drittijiet tal-persuni b’diżabbiltà

Illum qabel għada rridu ningħaqdu biex nindirizzaw dawn id-diffikultajiet

Fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali dedikat lill-Persuni b’Diżabbilta’, li jiġi mfakkar fit-3 ta’ Diċembru, l-Partit Nazzjonalista sellem lil dawn il-persuni u ġedded l-impenn tiegħu favur il-ġlieda għad-drittijiet tagħhom, biex kulħadd jimxi ‘l quddiem u jilħaq il-miri tiegħu mingħajr diffikulta’.

Fi stqarrija ffirmata minn Maria Deguara, Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Anzjanità Attiva u Inklussiva u l-Persuni b’Abbiltajiet Differenti u Jamie Vella, President tal-Forum Opportunitajiet Indaqs PN. il-Partit Nazzjonalista sellem ukoll lill-familji u professjonisti li jsostnu lill-persuni b’diżabbilta’. Din l-okkażjoni qed taħbat fi żminijiet maħkuma minn pandemija u l-PN huwa konxju kemm dan ikompli jkabbar l-isfidi li persuni b’diżabbilta’ jaffaċċjaw f’ħajjithom. 

Għall-persuni b’diżabbilta` f’Malta, l-pandemija sfortunatament f’ħafna ċirkostanzi ssarfet f’iżolament mill-bqija tas-soċjeta’ bl-intenzjoni tkun li trid titħares is-saħħa ta’ dawn in-nies. Dan fisser iċ-ċaħda ta’ dawn il-persuni minn servizzi essenzjali ta’ terapija u taħriġ, mid-dinja tal-edukazzjoni u x-xogħol u fuq kollox mill-kuntatt soċjali  ma’ nies oħra. Dan fisser ukoll aktar sofferenza għall-persuni b’diżabbilta` li tibdil hekk drastiku jaffetwahom aktar minn ħaddieħor. 

Filwaqt li jinnota d-diffikultajiet li l-awtoritajiet ta’ pajjiżna qed isibu biex dan l-iżolament jieqaf jew jitaffa, l-PN huwa tal-fehma li seta’ u għad jista’ jsir aktar f’dan ir-rigward. Bħal f’pajjiżi oħrajn, huwa meħtieġ li f’Malta jkun hawn viżjoni aktar ċara sabiex tul il-pandemija, l-iżolament tal-persuni b’diżabbilta’ jiġi evitat kemm jista’ jkun. Il-mira għandha tkun li persuni b’diżabbilta’ jserrħu rashom mill-protezzjoni kontra l-perikli tal-pandemija, iżda fl-istess ħin ikomplu jgħixu ħajjithom bħal bqija tan-nies. Il-Partit Nazzjonalista huwa konvint li din il-mira tista’ u għandha tintlaħaq u jinsab kommess li jagħti sehmu f’dan ir-rigward.

L-aħħar u mhux l-inqas, il-PN jfakkar li minkejja li bħalissa l-impatt tal-pandemija fuq il-persuni b’diżabbilta’ jieħu prijorita’, m’għandniex ninsew li f’ħajjet dawn il-persuni, hemm sfidi oħra li rridu ngħelbu, bħalma hi l-aċċessibbilta’ għall-ambjent mibni, s-servizzi u prodotti. Irridu nagħrfu kemm huwa importanti li l-iskejjel, l-komunitajitet u l-postijiet tax-xogħol ikunu adegwati biex ħadd ma jkun imxekkel milli jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu. B’hekk is-soċjeta’ tibda tiftakar fil-persuni b’diżabbilta’ ta’ kuljum kif jistħoqqilhom u mhux fil-jum internazzjonali dedikat lilhom kif sfortunatament għadu qed jiġri spiss. Illum qabel għada rridu ningħaqdu biex nindirizzaw dawn id-diffikultajiet.