Coronavirus Lokali Saħħa

John Bundy jiddeskrivi l-esperjenza tiegħu wara li ommu kienet pożittiva għall-Covid

"Ħafna qed ibatu s-solitudni qabel il-mewt" - John Bundy

Is-sitwazzjoni tal-Coronavirus f’pajjiżna qed tkun ta’ tħassib kbir għal bosta, speċjalment għal dawk li għandhom qraba u ħbieb li huma vulnerabbli.

Tul il-programm “Ngħiduha kif inhi” fuq NET FM, il-preżentatur John Bundy qasam l-esperjenza tiegħu fuq kif ommu mardet bil-Coronavirus u tinsab bħalissa rikoverata fid-dar tal-anzjani fejn hi tgħix.

Ma’ Indri Attard, John Bundy stqarr li f’dan il-mument ħafna qed imutu mingħajr ma jkollhom l-għeżież tagħhom ħdejhom.

L-imxija tal-Coronavirus qed toħloq numru ta’ sfidi fil-konfront ta’ dawk l-aktar vulnerabbli, b’ħafna mhux jaraw lill-għeżież tagħhom għal ġimgħat…

Fl-intervista, hu semma’ kif bosta huma dawk li ta’ kuljum jispiċċaw iċemplu lill-qrabathom biex jaraw kif inhuma – għaliex dan ikun l-uniku mezz ta’ komunikazzjoni.

John Bundy irringrazzja lill-ħaddiema kollha fis-settur tas-saħħa filwaqt li appella għall-kawtela, biex b’kull azzjoni li nieħdu naħsbu f’dawk l-aktar vulnerabbli li qed ibatu s-solitudni anki fl-aħħar mumenti ta’ ħajjithom.