Il-Gvern għandu jwaqqaf l-insib fuq l-għasafar tal-għana u l-kaċċa fir-Rebbiegħa fiż-żmien meta jpassu l-gamiem.
Sostna dan, il-Kap Eżekuttiv ta’ Birdlife Malta Mark Sultana, waqt konferenza tal-aħbarijiet b’reazzjoni għall-Avviż Formali maħruġ mill-Kummissjoni Ewropea fil-konfront tal-Gvern Malti.
Fl-ewwel minn tliet stadji ta’ azzjoni li l-Kummissjoni Ewropea tieħu meta jkun hemm Stat Membru li jkun qed jikser ir-Regolamenti Ewropej, il-Kummissjoni qalet li d-Deroga li tħalli l-insib tal-Pluviera u tal-Malvizz mhux qed tiġi inforzata kif suppost u dan qed iwassal biex qed jinqatlu speċi oħra ta’ għasafar.
Barraminhekk, kompla Sultana, id-Deroga kif applikata mill-Gvern biex isir insib suppost għall-fini ta’ riċerka, hi daħka fil-wiċċ u l-Kummissjoni Ewropea qalet li din mhux biss qed tmur kontra d-Direttiva tal-Għasafar, iżda qed issir ukoll bi sfida għal sentenza tal-2018 mogħtija mill-Qorti Ewropea għall-Ġustizzja.
Il-Kap tal-Konservazzjoni ta’ Birdlife Nicholas Barbara qal li t-tieni Avviż Formali hu marbut mal-kaċċa fir-Rebbiegħa, hekk kif il-Gvern qed jiftaħ il-kaċċa fl-aħħar tliet ġimgħat ta’ April. Kaċċa suppost għas-summien, li iżda qed taħbat mal-passa tal-gamiem.
Barbara qal li bl-iskuża tal-kaċċa għas-summien, qed issir kaċċa fuq għasafar protetti, ewlenin fosthom il-gamiem, li mill-2015 saru speċi protetta għax jinsabu f’periklu li jispiċċaw estinti.
Il-Gvern għandu xahrejn ċans biex iwieġeb dan l-Avviż Formali u jirrimedja s-sitwazzjoni. Wara, il-Kummissjoni toħroġ dik li hi magħrufa bħala Reasoned Opinion, l-aħħar stadju qabel ma l-Kummissjoni tiftaħ proċeduri formali quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja.
Min-naħa tiegħu, il-Gvern fi stqarrija qal li ħa nota tal-Avviż Formali mill-Kummissjoni Ewropea u li se jwieġeb fiż-żmien stipulat.
//= $special ?>