Internazzjonali

L-Iran: Pass inkwetanti ieħor fil-proġett nukleari

Ir-reġim fundamentalista ta’ Tehran qed jieħu l-passi biex iwaqqaf  l-ispezzjonijiet tas-siti nukleari tiegħu mill-esperti tan-Nazzjonijiet Uniti. Jerġa’ aktar inkwetanti hu l-fatt li l-Iran qed iżid il-proċess għall-irraffinar tal-uranju – li jista’ jintuża fl-armamenti– permezz ta’ liġi ġdida li kienet approvata mill-Parlament.

L-abbozz jirrikjedi biex il-Gvern Iranjan jerġa’ jibda jirraffina l-uranju sa livell ta’ 20 fil-mija. Il-livell hu ‘il fuq sew mit-3.67 fil-mija stabbilit fil-ftehim nukleari storiku tal-2015 li l-Iran kien laħaq mal-potenzi tad-dinja u dan għandu jitwettaq f’każ li s-sanzjonijiet fuq l-Istat Iżlamiku ma jonqsux fi żmien xahrejn.

Dan il-pass mill-Iran qed isir ftit tal-jiem wara li x-xjenzat ewlieni Iranjan Mohsen Fakhrizadeh – il-protagonista wara l-proġett nukleari ta’ pajjiżu – tilef ħajtu waqt attakk misterjuż li seħħ fi triq ftit ‘il hinn minn Tehran.

L-Iran jemmen li l-aġenti ta’ Iżrael użaw arma bir-remote control biex jeliminaw lix-xjenzat – bl-Iżraeljani ma jikkummentawx dwar il-każ.

Min-naħa tiegħu, il-President Iranjan, Hassan Rouhani , qal li oppona l-implimentazzjoni tal-liġi ġdida li tagħti spinta kbira lill-irraffinar tal-uranju.