Futbol Sport

Milan u Tottenham jikkwalifikaw għall-fażi li jmiss

(Ritratt: EPA)

Mill-ħames ġurnata tal-UEFA Europa League spikkat ir-rebħa ta’ 4-2 li Milan kisbu fuq Celtic biex b’hekk minn Grupp H flimkien ma’ Lille kwalifikaw għall-fażi li jmiss minkejja li għad fadal partita oħra.

Wara kwarta logħob, Milan marru 2-0 minn taħt. TOM ROGIC fetaħ l-iskor għal Celtic wara seba’ minuti biex ODSONNE EDOUARD għamilhom 2-0 seba’ minuti wara. Ir-rimonta ta’ Milan bdiet fl-24 minuta meta żewġ gowls ta’ HAKAN CALHANOGLU u SAMUEL CASTILLEJO f’temp ta’ żewġ minuti ġabu l-iskor indaqs. Fit-tieni taqsima, Milan ħarġu fuq l-offensiva u kien JEAN PETTER HAUGE li fil-50 minuta għamilhom 3-2 biex tmien minuti mit-tmiem, BRAHIM DIAZ skorja r-raba’ gowl għal Milan li fisser kwalifikazzjoni.

Mill-istess grupp kwalifikaw ukoll Lille li għelbu f’darhom lil Sparta Prague 2-1. Kien it-tim mir-Repubblika Ċeka li fetaħ l-iskor fil-71 minuta permezz ta’ LADISLAV KREJCI biex dopjetta ta’ BURAK YILMAZ, fit-80 u l-84 minuta dawwret ir-riżultat favur Lille.

Tottenham ukoll kisbu post fil-fażi li jmiss meta fi Grupp J ġew draw ta’ 3-3 barra minn darhom kontra LASK. Kienu LASK li marru fil-vantaġġ fit-42 minuta permezz ta’ PETER MICHORI. GARETH BALE ġab id-draw għal Tottenham fil-45 minuta permezz ta’ penalty biex HEUNG-MIN SON tefa’ lit-tim imexxi minn Jose Mourinho fil-vantaġġ fis-56 minuta. JOHANNES EGGESTEIN reġa ġab l-iskor indaqs fl-84 minuta filwaqt li DELE ALLI għamilhom 3-2 favur Tottenham fis-87 minuta. MAMOUDOU KARAMOKO salva punt għal LASK fl-aħħar sekondi tal-partita biex ntemmet 3-3.

Arsenal kisbu rebħa komda ta’ 4-1 fuq Rapid Wien u aċċertaw mir-rebħa ta’ Grupp B. ALEXANDRE LACAZETTE fetaħ l-iskor wara għaxar minuti, biex PABLO MARI rdoppja fit-18 –il minuta. EDDIE NKETIAH għamilhom 3-0 minuta qabel tmiem l-ewwel taqsima. KOYA KITAGAWA naqqas l-iskor għal Rapid Wien fit-48 minuta. EMILE SMITH-ROWE skorja r-raba’ gow għal Arsenal fis-66 minuta.

Napoli se jkunu jafu d-destin tagħhom fl-aħħar ġurnata wara li ġew draw ta’ 1-1 kontra AZ Alkmaar. DRIE MERTENS fetaħ l-iskor għal Napoli wara sitt minuti biex BRUNO MARTINS INDI ġab id-draw għall-Olandiżi fl-54 minuta.

Real Sociedad temmew ukoll fi draw ta’ 2-2 kontra Rijeka mill-istess grupp, JON BAUTISTA u NACHO MONREAL skorjaw għal Sociedad filwaqt li DARKO VELKOVSKI u STJEPAN LONCAR skorjaw għal Rijeka.

Minn Grupp G, Leicester City tilfu 1-0 kontra Zorya wara li kienu diġa kwalifikaw fir-raba’ ġurnata. Il-gowl deċiżiv wasal fl-84 minuta permezz ta’ ALLAHYAR SAYYADMANESH.

Braga kwalifikaw flimkien ma’ Leicester għall-fażi li jmiss wara li għelbu lil AEK Athens 4-2, bil-gowls ta’ Braga jkunu skorjati minn VITOR TORMENA, RICARDO ESAGIO, RICARDO HORTA u WENDERSON GALENO, filwaqt li NELSON OLIVEIRA u STAVROS VASILANTONOPOULOS skorjaw għal AEK.

Roma aċċertaw mir-rebħ ta’ Grupp A meta fi Stadio Olimpico għelbu lil Young Boys 3-1. JEAN PIERRE NSAME fetaħ l-iskor għal Young Boys. BORJA MAYORAL ġab id-draw fl-44 minuta biex RICCARDO CALAFIORI għamilhom 2-1. EDIN DZEKO aċċerta mit-tliet punti fil-81minuta.

UEFA EUROPA LEAGUE
Illum: Gent v S. Liberec 1-2, C. Zvezda v Hoffenheim 0-0, Feynoord v D. Zagreb 0-2, CSKA M. v Wolfsberger 0-1, R. Antwerp v Ludogorets 3-1, LASK v Tottenham 3-3, Svissapor v Villareal 0-1, Qarabag v M. Tel Aviv 1-1, Lille v Sp. Prague 2-1 ,Milan v Celtic 4-2 ,Zorya v Leicester 1-0, AEK v Braga 2-4, R. Sociedad v Rijeka 2-2, AZ v Napoli 1-1, O. Nicosia v PAOK 2-1, Granada v PSV 0-1, Rangers v S. Liege 3-2, Benfica v L. Poznan 4-0, Sl. Prague v Hapoel 3-1, Nice v B. L’kusen 2-3, Molde v Dundalk 3-1, Arsenal v R. Wien 4-1, Cluj v CSKA Sofia 0-0, Roma v Y. Boys 3-1