Lokali Qtil Politiku

Muscat jgħid li se jwieġeb il-mistoqsijiet tal-Bord li ħatar hu stess

Wara li lbieraħ il-marexxalli tal-Qorti marru d-dar tal-Eks Prim Ministru Joseph Muscat biex isejħulu ħalli  jixhed fl-inkjesta pubblika fl-assassinju ta’ Daphne Caruana Galiżia, l-istess Muscat fl-aħħar sigħat qal lit-Times of Malta li se jkun qed imur quddiem il-Bord u jwieġeb għall-mistoqsijiet li se jagħmlulu.

Muscat emfasizza l-fatt li dan il-Bord ħatru hu stess meta kien għadu Prim Ministru.

L-Eks Prim Ministru li f’Jannar jagħlaq sena mir-riżenja tiegħu, u li sal-lum baqa’ ma tax raġuni dwarha, ġie msejjaħ jixhed f’din l-inkjesta. Dan wara li nhar il-Ġimgħa kellu jitla’ fuq il-pedana tax-xhieda fl-istess inkjesta dak li kien il-Golden Boy ta’ Muscat, Konrad Mizzi.

Mizzi madankollu ma wieġeb xejn u baqa’ jirrifjuta li jwieġeb għal kull domanda li saritlu mill-Bord. Hu saħansitra  rrifjuta li jwieġeb meta mistoqsi jekk kienx għadu Membru Parlamentari.

Konrad Mizzi għażel biss li jagħmel stqarrija waqt li kien fuq il-pedana fejn esprima d-dispjaċir tiegħu għall-assassinju tal-ġurnalista għax qal li dan l-assassinju għamillu ħsara kbira lill-karriera politika tiegħu.

Tul din l-inkjesta fil-Qorti xehdu għadd kbir ta’ persuni f’karigi għolja ferm.. inkluż l-eks ministri Edward Scicluna u Chris Cardona, l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar, l-eks Ministru tal-Ġustizzja u tal-Edukazzjoni Owen Bonnici, kif ukoll l-eks Chief of Staff ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri.

Muscat kien ħabbar ir-riżenja tiegħu fl-1 ta’ Diċembru tal-2019 iżda rriżenja formalment bl-ittra tar-riżenja uffiċjali datata t-13 ta’ Jannar 2020.