Kultura Lokali

Repubblika ddiżappuntata li l-Qorti ċaħdet il-kawża ta’ libell ta’ Pia Zammit

Repubblika fi stqarrrija qalet li temmen bis-sħiħ fil-libertà tal-espressjoni u speċjalment fil-libertà ta’ min irid jikkritika lill-persuni pubbliċi. Iżda l-NGO esprimiet it-tħassib tagħha għal din id-deċiżjoni tal-Qorti.

Ma jistax ikun hemm dubju x’ried jagħmel l-Editur ta’ It-Torċa bl-istejjer li ppubblika dwar Pia Zammit. Meta wera ritratti tagħha liebsa kostum għar-rwol tagħha fil-kummiedja ‘Allo! ‘Allo!, reċta li ħadmet fiha xi ħdax-il sena qabel, ma kienx qed jagħmel xi apprezzament artistiku jew li skopra xi ħaġa ġdida mhux xierqa dwar Pia Zammit.

Ried iżda li l-qarrejja tiegħu jiffurmaw l-opinjoni li persuna li kienet qed tipprotesta kontra l-gvern li t-Torċa tappoġġja, kienet Nażista jew ma kinitx tieħu bis-serjetà l-ħażen tan-Nażismu. 

Bħala Repubblika qalu li jinsabu tassew sogħbiena naraw li l-Maġistrat illum ikkonkludiet li meta wieħed jieħu sehem bħala attur f’’Allo! Allo! dan ikun qed jagħmel xi ħaġa li “m’huwiex aċċettabbli u de minimis, huwa insensittiv”.

Dan mhux biss apprezzament żbaljat tar-rwol tat-teatru f’soċjetà demokratika imma hu wkoll falliment grass t’apprezzament ta’ x’inhi ‘Allo! ‘Allo! Din hi kummiedja li mhix magħmula minn “ċajt assoċjat mas-simboli ta’ ġenoċidju u massakru uman”.

Din hi kummiedja li tuża l-ironija, is-sarkażmu, ir-redikolu, u l-assurd biex iżżeblaħ u tikkritika lit-tirrannija Nażista mingħajr ma taħfrilha xejn għall-krudeltà u l-krimini tagħha.  Hu għalhekk, qalet Repubblika, li ma nistgħux naqblu mal-Qorti li kien hemm xi “kontroversja”, “ironija” jew ħjiel ta’ inkonsistenza meta Pia Zammit eżerċitat il-professjoni tagħha ta’ attur meta irreċtat f’kummiedja li titmejjel bin-Nażisti u l-ħidma attiva ta’ Pia Zammit fil-komunità biex tiġġieled it-tirranija domestika tagħna.

Anzi dawn iż-żewġ azzjonijiet jirriflettu karattru waħdieni u determinat li jiġġieled il-ħażin, il-kattiv, u l-abbużiv. Il-Qorti llum setgħet użat l-argumenti li kieku kienu jintużaw biex tipproteġi d-dritt ta’ ġurnalist li jikkritika persuna f’ħajja pubblika.

Ikkummenta