Lokali Qorti

Sentenza sospiża u multa ta’ €30,000 għall-missier u ibnu fuq qtil illegali ta’ annimali


Anzjan ta’ 72 sena u ibnu ta’ 38 sena ġew ikkundannati sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin u mmultati €30,000 kull wieħed wara li nstabu ħatja ta’ qtil illegali ta’ annimali, trattament ħażin tagħhom u li dawn ma kienux reġistrati.

Vincent Schembri u t-tifel tiegħu Giuseppe, it-tnejn mis-Siġġiewi nstabu ħatja li wettqu dawn ir-reati fil-15 ta’ Mejju u fil-ġranet u x-xhur ta’ qabel ġewwa Qrendi Farmhouse fis-Siġġiewi stess.

Fir-razzett instabu aktar minn 150 annimal b’mod illegali li jinkludu baqar, bovini, nagħaġ u mogħoż bl-imputati jinstabu ħatja li kienu qegħdin jixtru u jbiegħu annimali illegalment

Huma nstabu ħatja wkoll mill-Maġistrat Nadine Lia li ma ddikjarawx iċ-ċaqlieq tal-annimali li kienu fir-responsabbilità tagħhom fejn dawn m’għandhomx jiġu suġġetti għal tbatija jew imbiċċra skont il-liġi u li sofrew tbatija li wasslithom għall-mewt.

Skont il-liġi fejn ikun meħtieġ li jinqatel annimal, dan għandu jsir b’mod li jkun hemm l-inqas tbatija fiżika u mentali u kif xieraq fiċ-ċirkostanzi u li f’każ ta’ emerġenza, il-metodu tal-qtil ta’ annimali għandu jkun jew li jikkawża telf tas-sensi u mewt immedjatament fosthom bil-metodu ta’ injezzjoni ta’ anestesija ġenerali u profonda lill-annimal.

Dan il-każ imur lura għal 15 ta’ Mejju 2018 meta uffiċjali tad-Dipartiment tas-Saħħa Veterinarja għamlu spezzjoni fuq ir-razzett ta’ l-annimali u sabu li kien hemm diversi ksur ta’ regolamenti fuq iż-zamma ta’ l-annimali.

Joseph Zammit, Principal fl-Enforcement Unit tas-Servizz Veterinarju stqarr li huwa ġie nfurmat mis-superjuri tiegħu li kien daħal rapport anonimu kien qed isir bejgħ, xiri u qtil ta’annimali b’mod illegali f’diversi postijiet f’Malta u Għawdex.

Huwa kkoordina mal-Pulizija sabiex isiru spezzjonijiet fuq il-postijiet indikati. Wahda mill-ispezzjonijiet, li saret fil-15 ta’ Mejju 2018 kienet tikkonċerna r- razzett li jgħajjat lil Joseph Schembri.

Ix-xhud qal li sa ftit taż-żmien qabel, ir-razzett kien jgħajjat lil Vincent Schembri, missier Joseph Schembri, imma dawwar kollox fuq it-tifel meta għalaq l-età tal-irtirar.

Skont Zammit, ir-razzett in kwistjoni huwa pjuttost kbir u jżomm annimali bħal nagħaġ u mogħoż u baqar. Ix-xhud spjega li waqt l-ispezzjoni kien hemm preżenti kemm il-Pulizija kif ukoll veterinarju u ż-żewg imputati.

Ix-xhud u kollega ieħor daru l-post kollu filwaqt li l-veterinarju Sergio Fiore u n-nies tiegħu ħadu ċensiment tal- annimali li hemm biex jiġi verifikat jekk hemmx qbil mas-sistema kompjuteriżżata tar-reġistrazzjoni tal-annimali.

F’kamra partikolari nstabu ammont ta’ ġlud, widnejn u imsaren ta’ annimali maqtulin friski, li jindika li veru kien hemm qtil illegali ta’annimali. Kien hemm ukoll diversi ganċijiet.

Zammit kompla jgħid fil-Qorti li l-imputati kkoperaw ħafna u Vincent Schembri kien qal li jekk hemm xi nuqqasijiet fejn jidħlu l-annimali żgħar, huwa responsabbli hu u mhux it-tifel.

Il-veterinarju Sergio Fiore kkonferma li huwa kien involut fi spezzjoni li saret fil-15 ta Mejju 2018 fir-razzett u li hu ikkoordina ċ-ċensiment tal-annimali fir-razzett. Skont informazzjoni uffiċjali, suppost fir-razzett kien hemm total ta’ 310 ras li jinkludu bovini, kaprini u ovini. Instab li aktar minn dawk li suppost instabu, aktar minn 103 kienu nieqsin.

Mill-banda l-oħra, instabu għadd ta’ annimali, madwar 27 bejn nagħaġ u mogħoż, li mhux suppost kienu hemm. Kien hemm ukoll għadd ta’ annimali biċ-ċomba tal-widnejn li tindika li mhux reġistrati fuq ir-razzett ta’ Joseph Schembri.

Xehed ukoll Ruben Montebello, eks-Principal Veterinary Support Officer mas-Servizzi Veterinarji. Huwa kkonferma li assista fi spezzjoni li saret fuq dan fir-razzett wara li kien daħal rapport anonimu fuq diversi nuqqasijiet li kienu qed isiru, inkluż qtil illegali.

F’kamra partikolari instab li kien hemm xi ġlud u interjuri tal-annimali li jindika li kien hemm qatla riċenti. Meta mistoqsi dwar dan, qal li Vincent Schmebri ammetta li kien qatel xi annimali u meta mistoqsi dwar il-laħam, huwa wieġeb li dan kien “telaq”.

F’dak il-mument it-tifel Joseph Schembri kien stqarr li huwa kellu x’jaqsam mal-baqar biss u l-missier ammetta li huwa biss kellu x’jaqsam mal-qtil ta’ annimali żgħar.

Xehed ukoll Dr Jurgen Galea li qal li kif wasal fuq il-post, mar f’kamra fir-razzett fejn kien hemm ammont ta’ offal, ġlud u anke` widnejn tan-nagħaġ. Bhala uffiċjal tas-Safety of the Food Chain Section, ix-xhud ħa l-inkarigu tal-ġabra u eventwali inċinerazzjoni ta’ dawn l-affarijiet.

Xehed ukoll is-Surġent Clint Theuma, stazzjonat fis-sezzjoni ALE li kkonferma li fil-15 ta’ Mejju 2018 assista lil uffiċjali tas-Servizzi Veterinarji waqt spezzjoni gewwa razzett bl-isem ta’ “Qrendi Farm” fis-Siġġiewi. Stqarr li waqt l-ispezzjoni kienet instabet kamra li kien fiha xi partijiet ta’ animal maqtulin.

L-uffiċjali tas-Servizzi Veterinarji kienu giegħlu lill-imputat inaddaf u dan ikkopera. Il-kuntistabbli Joseph Sciberras, stazzjonat fis-sezzjoni tal-Kavallerija, kkonferma li huwa kien preżenti wkoll waqt spezzjoni fir-razzett tal- imputati.

Qal li hemm kienu nstabu xi fdalijiet tal-annimali li x’aktarx kienu mogħoż. Mitlub jispjega kif kien il-komportament tal-imputati, ix-xhud spjega li dawn kienu kwieti u sahansitra f’hin minnhom Joseph Schembri beda jibki.

Il-Qorti qalet li filwaqt li l-kondotta ta’ Giuseppe Schembri hija netta, dik ta’ Vincent Schembri, li tmur lura sas-sena 1967 fejn filwaqt li ma hemm xejn alaramanti, jirriżultaw diversi reati fir-rigward taż-żamma ta’ annimali.

Il-Qorti kkunsdraw ukoll il-fatt li l-imputati ma urew ebda rimors ta’ għemilhom u minkejja li sostnew kemm ghandhom passjoni għal xogħolhom huwa diffiċli li dan jiġi emmnut magħdud mal-fatt li l-annimali fil-kustodja tagħhom kienu qegħdin jinqatlu illegalment u ibatu l-moħqrija u maltrattament.

Minn l-istess rapport ta’ l-uffiċjali tas-Servizzi Veterinarji jirriżulta li kien hemm illegalitajiet fir-rigward ta’ madwar 157 annimal. Apparti l-qtil illegali ta’ l-annimali li kien seħħ u għalhekk il-Qorti ħadet in konsiderazzjoni tan-numru konsiderevoli ta’ annimali li kienu qed isofru u soffrew maltrattament jew trattament illegali skond il-ligi.

Dawn il-illegalitajiet twettqu fuq medda ta’ żmien u ma kienux dovuti ghal xi att iżolat. Ittieħdet in konsiderazzjoni tal-fatt li l-imputati kienu ħajjithom kollha jieħdu ħsieb dan ir-razzett u għalhekk kienu jafu li kien qed issir il-maltrattament ta’ l-annimali jew trattament illegali bl-aġir tagħhom.

Il-Qorti sabet lil Giuseppe Schembri u Vincenti Schembri ħatja tal-akkużi kollha miġjubin kontrihom u kkundannat kull wieħed minnhom għal sentejn priġunerija li bl-applikazzjoni tal-artikolu 28A tal-Kapitolu 9 tal-Liġijiet ta’ Malta qed jiġu sospizi ghal erba’ snin u kull wieħed minnhom multa €30,000.